It-taħdidiet dwar riformi mitluba mir-Renju Unit u l-pożizzjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea baqgħu għaddejjin matul il-lejl, bil-laqgħat bejn il-Prim Ministru Ingliż David Cameron u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk jintemmu fil-5.30 ta’ dalgħodu. BBC jikkwota lil Tusk jgħid li kien hemm xi progress iżda għad fadal ħafna xi jsir.
L-ewwel laqgħa tal-Kunsill Ewropew ilbieraħ intemmet b’nuqqas ta’ qbil fuq diversi oqsma b’sorsi minn Brussell u Downing Street jgħidu li filwaqt li hemm volonta’ li jintlaħaq qbil, id-differenzi bejn iż-żewġ naħat huma ikbar milli maħsub.
Il-Punti fejn hemm nuqqas ta’ qbil huma bidliet fit-Trattati, benefiċċji għal ħaddiema minn pajjiżi oħra tal-UE u l-familji tagħhom u r-relazzjoni bejn iz-zona ewro u pajjiżi li m’għandhomx il-munita ewropea.
It-taħdidiet mistennija jkomplu fid-9 ta’ dalgħodu.