Internazzjonali

It-theddida tal-Korea ta’ Fuq: Kim Jong-un ikompli jisfida

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, qal li qed jippjana biex itella’ aktar satelliti, filwaqt li ddikjara l-esplorazzjoni fl-ispazju bħala ‘tragward strateġiku’ għal pajjiżu.

Il-messaġġ jitqies bħala diskors ta’ sfida minn Kim Jong-un wara li n-Nazzjonijiet Uniti kkundannat il-Korea ta’ Fuq talli, jiem ilu, kienet tellgħet satellita fl-ispazju. L-azzjoni kienet l-aħħar f’sensiela ta’ provi nukleari u bil-missili li qed jallarmaw lill-pajjiżi tal-Punent.

It-tlugħ tas-satellita mir-reġim ta’ Pyongyang – li l-komunità internazzjonali tqis bħala prova sigrieta għal missila ballistika – seħħ b’abbuż ta’ diversi riżoluzzjonijiet tan-NU li jipprojbixxu lill-Korea ta’ Fuq milli tipprova t-teknoloġija ballistika.

Kim Jong-un kien ikkwotat li ‘l-avvanzi fl-esplorazzjoni tal-ispazju huma mira strateġika (għall-Korea ta’ Fuq)’, bil-Mexxej komunista anki jfaħħar ix-xjenzati li ħadmu fuq il-proġett bħala ‘eroj’.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-President tal-Korea t’Isfel, Park Geun-hye, heddet ‘azzjoni determinata’ fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq, ‘bl-iskop li r-reġim fi Pyongyang jirrealizza li qed jippersisti fit-triq tal-gwaj bl-attivitajiet nukleari tiegħu’.