Internazzjonali

Aġġornata: Imħabbra l-ġurnata tar-referendum fir-Renju Unit

Aġġornata: Il-Prim Ministru Brittaniku David Cameron għadu kemm ħabbar li r-referendum popolari dwar is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea se jsir nhar il-Ħamis it-23 ta’ Ġunju.

Il-Prim Ministru għamel din l-istqarrija storika wara li aġġorna lill-Kabinett dwar il-ftehim li laħaq mal-Mexejja tal-Unjoni Europea fi Brusell.

Hu informa lill-Ministri li hu se jirrakomanda biex ir-Renju Unit jkompli jifforma parti mill-Unjoni.

Aktar kmieni: L-Unjoni Ewropea laħqet ftehim biex ir-Renju Unit ma joħroġx mill-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron qal li l-ftehim li ntlaħaq ifisser li r-Renju Unit se jkollu status speċjali fi ħdan l-Unjoni.

Il-ftehim intlaħaq tard il-Ġimgħa filgħaxija wara jumejn ta’ diskussjonijiet bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea fi Brussell.

Il-ftehim jinkludi bidliet fit-trattat tal-Unjoni biex ir-Renju Unit ma jingħaqadx dejjem aktar mal-grupp. Fi kliem David Cameron, il-ftehim se jara lir-Renju Unit tieħu vantaġġ mill-benefiċċji tal-Unjoni Ewrpoea iżda tippermetti li ma tkunx parti minn skemi oħra li ma jaqblux għar-Renju Unit.

Wara l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk ħabbar li ntlaħaq ftehim, il-Prim Ministru David Cameron qal li issa se jkun qed jikkampanja f’pajjiżu biex ir-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea.

Issa jmiss referendum fir-Renju Unit li fih il-poplu Brittaniku mistenni jagħti l-verdett tiegħu.

Intant, waqt li l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea kienu qed jiddiskutu dan il-pass importanti, il-Prim Ministru Malti kien qed jitkellem dwar l-ikel li kiel f’din il-laqgħa.