L-Istati Uniti qalet li l-militanti tal-ISIS li nqatlu fil-Libja waqt ir-rejd ta’ nhar il-Ġimgħa mill-qawwiet tal-ajru Amerikani kienu ta’ theddida għall-interessi tagħha u tal-Punent.
Peter Cook, kelliem għall-Pentagon Amerikan, sostna li l-qawwiet ta’ pajjiżu ħadu din l-azzjoni wara li ddeterminaw li Noureddine Chouchane (ritratt), terrorista ewlieni Tuneżin, u ġellieda oħra tal-ISIS ibbażati fl-inħawi kienu qegħdin jippjanaw biex jattakkaw l-interessi tal-Amerikani u ta’ Stati oħrajn tal-Punent fir-reġjun.
L-ajruplani tal-gwerra Amerikani kkonċentraw fuq kamp għal taħriġ ta’ terroristi fl-inħawi ta’ Sabratha fejn inqatlu madwar 40 persuna. Il-kelliema għall-Pentagon sostnew li l-attakk sar bl-għarfien tal-awtoritajiet Libjani u qed jingħad li fost il-maqtula hemm l-istess Chouchane, li jaħsbu kien il-moħħ wara l-azzjonijiet terroristiċi tal-2015 mill-ISIS fit-Tuneżija.
L-attakki rispettivi tas-sena l-oħra fit-Tuneżija kienu seħħew fil-Mużew ta’ Bardo u fuq il-bajja ta’ Sousse, fejn mietu għexieren ta’ turisti mill-Punent.
L-ISIS ilu attiv fil-Libja għal aktar minn sena u jista’ għandu talanqas 6,000 ġellieda f’dan il-pajjiż.
Sadanittant, il-Gvern tas-Serbja qed jgħid li tnejn min-nazzjonali tiegħu li ilhom minn Novembru miżuma ostaġġ fil-Libja x’aktarx li spiċċaw fost il-maqtula waqt ir-rejds ta’ nhar il-Ġimgħa mill-ajruplani tal-gwerra Amerikani fuq Sabratha.
Is-Serbi inkwistjoni kienu jaħdmu mal-ambaxxata Serba fil-Libja u s-Serbja, sal-bieraħ, kienet qed tistenna għall-identifikazzjoni tal-katavri. L-awtoritajiet Libjani baqgħu ma kkonfermawx l-imwiet, iżda l-Ministru Serb għall-Affarijiet Barranin Ivica Dacic semma ‘l-probabbiltà li r-rapporti (dwar l-imwiet tas-Serbi) huma minnhom’.
Qabel l-attakki tal-ajru Amerikani fuq Sabratha – li ssemmew bħala ‘l-aktar azzjoni sinifikattiva tal-Istati Uniti kontra l-ISIS fil-Libja’ – l-awtoritajiet Serbi kienu qegħdin jippruvaw jinnegozjaw il-ħelsien taż-żewġ ostaġġi. Dan meta, skont Dacic, kien ‘impossibbli’ li l-uffiċjali Serbi jilqgħu d-domandi tal-aggressuri li ħatfu lill-ko-ċittadini tagħhom.
//= $special ?>