Inter irritornaw għar-rebħ meta meritatament għelbu lil Sampdoria 3-1. B’din ir-rebħa Inter telgħu momentarjament fir-raba’ post u jistennew il-konfronti tal-avversarji diretti. Preżenti għal din il-partita kien hemm l-istilla Brażiljana Ronaldo u l-kowċ Portugiż Josè Mourinho.
Inter marru fil-vantaġġ fit-23 minuta meta minn azzjoni ta’ korner, il-ballun spiċċa f’saqajn Danilo D’AMBROSIO li mill-viċin għeleb lil Viviano. It-tim ta’ Mancini skorjaw it-tieni gowl fis-57 minuta meta minn korner ta’ Brozovic, il-ballun spiċċa għand MIRANDA li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Viviano li seta’ biss jsalva wara l-linja. Inter għamluhom tlieta fit-73 minuta meta l-kaptin Mauro ICARDI avvanza u b’xutt fil-baxx għeleb għat-tielet darba lil Viviano. Sampdoria skorjaw il-gowl tal-bandiera fil-91 minuta permezz ta’ xutt fil-baxx ta’ Fabio Quagliarella.