Ambjent Lokali

IL-FKNK imħassba biż-żieda ta’ Park Nazzjonali fiż-Żonqor

Fi stqarrija l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li tinsab imħassba biż-żieda ta’ park nazzjonali ieħor fiż-Żonqor minħabba biża’ li l-kaċċaturi u n-nassaba ma jkunux jistgħu jipprattikaw id-delizzju tagħhom.

973,000 metru kwadru fiż-Żonqor għadhom kemm ġew iddikjarati bħala park nazzjonali iżda l-FKNK qalet li qed tispera li l-kaċċaturi u n-nassaba ma jmisshomx l-istess xorti ħażina li messithom meta 6,900,000 metru kwadru fil-Majjistral kienu ġew iddikjarati park nazzjonali fl-2013.

IL-FKNK qalet li l-Park tal-Majjistral hu amministrat minn tlieta mill-erbatax entità ‘ambjentali’, li fost l-oħrajn, riedu jeqirdu l-kaċċa tradizzjonali tar-rebbiegħa permezz tar-referendum tas-sena li għaddiet.

IL-FKNK qalet li fil-preżent, qed tara d-dokument għall-konsultazzjoni li ppubblika l-Gvern dwar il-Park taż-Żonqor biex tkun tista’ tagħmel is-sottomissjonijiet. IL-FKNK irrimarkat li għalkemm fid-dokument ma jidher imkien li l-kaċċa u l-insib se jintmessu, fis-sottomissjonijiet tagħha se tkun qed tinsisti li jitħarsu l-interessi tal-membri tagħha.