Internazzjonali

Il-futur tar-Renju Unit fl-UE: Il-pakkett ta’ bidliet skont il-ftehim

Il-pakkett għall-bidliet fl-isħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea jibbaża fuq ftehim li jidħol f’seħħ ladarba l-pajjiż jivvota biex jibqa’ fl-Unjoni. Il-bidliet kienu elenkati f’għeluq is-summit tal-UE fi Brussell u jaffettwaw, fost oħrajn:

Ħlas tas-sigurtà soċjali lill-immigranti: Ir-Renju Unit jista’ jillimita benefiċċji tax-xogħol għall-immigranti tal-UE fl-artijiet tiegħu għall-ewwel erba’ snin ta’ residenza.

Iz-zona ewro: Ir-Renju Unit jista’ jżomm il-lira Sterlina bħala Stat tal-UE waqt li jkompli bil-kummerċ mal-pajjiżi li jużaw l-ewro mingħajr biża’ ta’ diskriminazzjoni.

Protezzjoni għas-City of London: Jidħlu salvagwardji għall-industrija ewlenija tas-servizzi finanzjarji tar-Renju Unit biex jevitaw impożizzjoni tar-regoli taz-zona ewro.

Is-sovranità: Hemm impenn ċar li r-Renju Unit ma jkunx parti minn ‘unjoni dejjem akbar’ mal-Istati oħrajn tal-UE. Dan se jkun inkorporat f’bidla fit-Trattat tal-Unjoni.

Il-kompetittività: Il-ftehim jesiġi biex l-Istati u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE ‘jagħmlu kull sforz biex jimplimentaw bis-sħiħ u jsaħħu s-suq intern’. Dan waqt li jieħdu ‘passi konkreti lejn regolazzjoni aħjar’ li jinkludu, fost oħrajn, it-tnaqqis ta’ burokrazija.

Xi limiti dwar il-moviment ħieles: Jistgħu jinżammu d-drittijiet awtomatiċi għal moviment ħieles fil-każ ta’ nazzjonali ta’ pajjiż mhux parti mill-UE li jiżżewweġ ċittadin tal-Unjoni Ewropea. Dan bħala parti mill-miżuri li qed jikkonfrontaw iż-żwieġ ‘finta’.