Lokali

Il-Knisja b’kundanna għal-liġi proposta li tipprojbixxi t-terapija tal-konverżjoni

Skont il-Knisja, il-liġi “tikser il-Kostituzzjoni” u hi “diskriminatorja ma’ min hu eterosesswali”

Il-liġi proposta mill-Gvern li tipprojbixxi kwalunkwe tip ta’ terapija ta’ konverżjoni tqajjem għadd ta’ kwistjonijiet serji etiċi u legali. Qalet dan il-Knisja f’pożizzjoni li ppubblikat dwar il-liġi proposta mill-Gvern u li permezz tagħha se jkun qed jipprojbixxi t-terapija tal-konverżjoni.

F’terapija ta’ konverżjoni, persuna tkun tista’ tingħata terapija bil-għan li tbiddel l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru tagħha. Dwar din il-prattika, il-Gvern qed iressaq Abbozz ta’ Liġi fejn isir reat kriminali li ssir din it-tip ta’ terapija.

F’pożizzjoni dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi l-Knisja qalet li dan jinkoraġixxi d-diskriminazzjoni, għax filwaqt li li t-terapija ta’ konverżjoni li se tkun projbita tapplika biss għal konverżjoni minn omosesswali għal eterosesswali, m’hemm xejn fil-liġi li jipprojbixxi terapija ta’ konverżjoni minn eterosesswali għal omosesswali.

Il-Knisja qalet ukoll li analiżi tal-liġi proposta, turi li kulħadd, u mhux dawk vulnerabbli biss, se jiġi ostakolat minn aċċess liberu għal gwida parir u kull għajnuna terapewtika professjonali li jistgħu jkunu meqjusa u meħtieġa b’rabta mal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru ta’ dak li jkun.

Dan imur kontra deċiżjonijiet li ngħataw mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li skont il-Knisja, tat importanza kbira lill-irwol tal-councelling f’materji marbuta mal-identità tal-ġeneru. Il-Knisja żiedet li l-liġi proposta saħanistra tmur kontra l-Kostituzzjoni.