Fl-istqarrija tiegħu fl-aħħar siegħat, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-Qafas ta’ Kisbiet mit-Tagħlim (Learning Outcomes Framework) “se tibda fis-sena skolastika 2017-2018 jekk il-partijiet jilħqu qbil dwar il-Ftehim Settorali.” Din hija biss ammissjoni ta’ kemm il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo jew ma jafx x’inhu jagħmel jew inkella jagħmel l-affarijiet nofs kedda.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija f’isem ix-Shadow Minister tal-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia
u l-Kelliem għall-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja George Pullicino fakkar li l-istess Ministru li ħareġ din l-istqarrija kien diġà ħabbar pubblikament li l-Learning Outcomes Framework se jibda jkun implimentat f’Ottubru 2016. Issa, bl-ammissjoni fl-istess stqarrija, qed jgħid li l-proċess se jibda sena tard u “jekk il-partijiet jilħqu qbil”.
Huwa ċar li l-Ministru Evarist Bartolo injora għal kollox dak li kienet qed tgħid l-Union tal-Għalliema, li esprimiet it-tħassib tagħha fl-aħħar ġimgħat. Fil-fatt, ma kenitx biss il-Union tal-Għalliema li esprimiet dan it-tħassib, iżda diversi stakeholders fis-settur edukattiv tkellmu f’dan is-sens. Evarist Bartolo kien se jibqa’ għaddej bl-implimentazzjoni mingħajr ma fassal pjan ta’ implimentazzjoni bi qbil ma’ dawk involuti, mingħajr ma kellu idea kif se taħdem is-sistema ta’ assessjar u mingħajr ma kellu idea x’emendi jrid jagħmel fis-SEC.
Dan huwa każ ieħor fejn il-Ministru tal-Edukazzjoni prova jgħaddi minn fuq in-nies u l-istakeholders fis-settur edukattiv. L-edukazzjoni saret bħal dgħajsa bla qlugħ, u fejn jonfoħ ir-riħ, timxi d-dgħajsa. Dan huwa r-riżultat ta’ Gvern inkompetenti anke fis-settur edukattiv.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li s-settur tal-edukazzjoni jixraqlu aħjar. Jixraqlu Gvern li jwettaq viżjoni li tkun maħsuba u implimentata mal-partijiet kollha: unions, stakeholders, għalliema u studenti. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitkellem u jiddjaloga mal-partijiet kollha biex jifformula viżjoni wiesgħa ffukata fuq l-iżvilupp sħiħ tal-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>