Futbol Sport

Kampjonat BOV Premier: Floriana momentarjament fit-tielet post

Floriana rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Naxxar Lions 4-0, biex fetħu t-tielet rawnd fuq nota pożittiva wara li spiċċaw ir-rawnd preċedenti b’telfa. B’din ir-rebħa, Floriana telgħu momentarjament fit-tielet post żewġ punti fuq Birkirkara li jridu jilagħbu għada kontra Mosta.

Floriana fetħu l-iskor fl-20 minuta, meta minn kross ta’ Briffa, il-ballun spiċċa għand il-kaptin Nicolas Chiesa li ħasad lil Gallinetta u skorja l-ewwel gowl. Il-Furjaniżi rduppjaw fil-45 minuta, meta xutt ta’ Piciollo ġie blokkat, il-ballun spiċċa għand Steve Pisani li għeleb lil Gallinetta għat-tieni darba.

Kwarta mit-tmiem, Floriana għalqu l-partita. Monticelli qassam lil Mario Fontanella li mill-kaxxa ż-żgħira ma żbaljax għat-tielet gowl Furjaniż. It-tim ta’ Oliveira skorjaw ir-raba’ gowl fit-88 minuta meta Aboulezz qassam lil Matteo Piciollo li b’xutt minn tarf il-kaxxa kbira skorja r-raba’ gowl.