Futbol Sport

Kampjonat BOV Premier: Hibernians jirbħu u jikkonvinċu

Hibernians taw wirja ta’ champions meta rebħu lil Qormi 6-0, u fil-bidu tat-tielet rawnd taw sinjal lit-timijiet l-oħra tal-vera potenzjal tagħhom.

Hibernians bdew ix-xalata tagħhom wara biss għaxar minuti meta minn korner ta’ Lima, Andrei AGIUS skorja bir-ras mill-viċin. Wara kwarta logħob, Hibs irduppjaw meta minn korner ta’ Cohen, Gilmar fetaħ lejn JORGINHO li skorja b’xutt fil-baxx.

Fit-23 minuta, id-difiża Qormija klirjat fil-qasir il-korner ta’ Gilmar, b’Andrew COHEN japprofitta u jiskorja b’xutt fir-rokna ta’ fuq. Qabel intemmet l-ewwel taqsima, Ousmane Sidibe waqqa’ lil Tarabai li kien ġej waħdu quddiem Vella bir-referì jordna l-penalty ujkeċċi lid-difensur mill-Guinea. Mill-penalty, TARABAI skorja l-ewwel gowl tiegħu minn mindu rritorna mill-Korea.

Ftit minuti fuq is-siegħa logħob, azzjoni bejn it-trio tal-attakkanti Brażiljani ta’ Hibernians irriżultat f’gowl ieħor, hekk kif Tarabai għadda lejn Jorginho li kompla bit-takkuna lejn GILMAR li skorja. Għoxrin minuta mit-tmiem, Emerson Vella waqqa’ lil Lima fil-kaxxa. JORGINHO għaqqad in-nofs tużżana mill-ħdax-il metru.