Kampjonat BOV Premier: Sliema Wanderers jirritornaw għar-rebħ

Wara ħames telfiet u t-tneħħija tal-kowċ Stephen Azzopardi, Sliema Wanderers irritornaw għar-rebħ bi tliet punti li jiswewlhom deheb fil-bidu tat-tieni fażi tal-kampjonat. Kien gowl waħdieni ta’ Johann Bezzina mas-siegħa logħob li ta t-tliet punti lill-Wanderers biex bihom qabżu lil Pembroke u telgħu fit-tmien post tal-klassifika. Sliema kienu mmexxija mill-assistent kowċ, Ivan Woods li xorta żamm l-istess formazzjoni li tilfet kontra Naxxar ġimgha ilu.

Partita diżappuntanti oħra minn Tarxien, wara d-draw ta’ ġimgħa ilu kontra St.Andrews, u llum bilkemm ħolqu periklu lejn il-lasta avversarja, għajr għall-attakki fil-minuti finali meta kien tard wisq. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal fid-59 minuta, meta Johann Bezzina ma damx jaħsibha biex ixxuttja u għeleb lil Cassar.