Internazzjonali

L-Oppożizzjoni Sirjana telenka l-kundizzjonijiet għal ftehim

L-Oppożizzjoni Sirjana qablet rigward waqfien mill-ġlied fis-Sirja li jkun effettiv għal madwar tliet ġimgħat, bil-kundizzjoni li r-Russja tieqaf mill-attakki tal-ajru u l-assedji fuq ribelli fl-artijiet Sirjani. L-Oppożizzjoni anki trid li jinfetħu aċċessi għall-għajnuna fis-Sirja.

Dan ħareġ waqt li r-Russja u l-Istati Uniti kienu qed imexxu laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra, fl-Iżvizzera, bl-iskop li jieqaf il-ġlied fis-Sirja.

Intant, l-Oppożizzjoni Sirjana talbet ukoll biex jinħelsu l-priġunieri vulnerabbli li jinkludu nisa u tfal.

Ir-Russja ilha l-aħħar xhur tibgħat qawwiet tal-ajru biex jappoġġjaw lill-Gvern tal-President Sirjan Bashar al-Assad fil-konflitt ċivili tas-Sirja. L-Istati Uniti u alleati oħra qed jagħtu għajnuna lir-ribelli li jridu jwaqqgħu lil Assad u fl-aħħar xhur kienu fallew numru ta’ tentattivi lejn waqfien mill-ġlied fl-artijiet Sirjani.