Lokali

Maħtur l-eżekuttiv il-ġdid tas-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista

Fil-jiem li għaddew inħatar l-Eżekuttiv il-ġdid tal-Fergħa Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista. Ivan Castillo reġa’ ġie kkonfermat bħala President filwaqt li Stefania Pirotta reġgħet kienet ikkonfermata bħala Segretarja. Joe Mercieca inħatar bħala Viċi President. L-Eżekuttiv huwa magħmul minn 15-il membru li matul dawn is-sentejn li ġejjin se jkunu qed jaħdmu qalb il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

SĦPN tixtieq tirringrazzja lil Anthony Castillo li serva għal dawn l-aħħar 24 sena fl-Eżekuttiv u kien punt ta’ referenza għal mijiet ta’ ħaddiema kif ukoll għall-bqija tal-membri. L-eżempju u l-ħeġġa tas-Sur Castillo għandha tkun xprun għal dawk kollha li għal qalbhom għandhom l-interessi tal-ħaddiema.

Fiż-żmien li ġej, flimkien mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, l-SĦPN se tkun iktar minn qatt qabel sostenn u vuċi għall-ħaddiema fi żminijiet fejn qed naraw li l-pagi baqgħu staġnati, ħaddiema jkunu insultati li qed jagħmlu s-sabutaġġi sabiex il-Gvern jaħbi l-fallimenti tiegħu f’diversi oqsma kif ukoll l-eluf li hawn jaħdmu fil-prekarjat u li jħossu li dan il-Gvern għaddihom biż-żmien meta wiegħdhom li l-prekarjat kien se jinqered wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

SĦPN tawgura’ li l-ġid li qed jinħoloq f’dan il-pajjiż jibda jitqassam b’mod ġust fost kulħadd u nħeġġu lil Gvern sabiex jagħti każ u jkun iktar tal-ħaddiema lil hinn mill-kulur politiku tagħhom.