Futbol Sport

Birkirkara jixxalaw u jirritornaw għar-rebħ

BIRKIRKARA……….6
MOSTA……………3

Birkirkara: M. Kopric, C. Attard, R. Camenzuli (M. Guillaumier 63’), G. Sciberras, C. Bubalovic, M. Andelkovic, G. Mujanovic, R. Scicluna (K. Zammit 79’), E. Bilbao Zarate, M. Smrekar, L. Seydi (A. Curmi 87’)
Mosta: Y. Cini, E. Micheletti (Z. Brincat 75’), A. Borg, T. Farrugia, F. Alabi, L. Ajousso (D. Xuereb 46’), O. Guobadia, K. Frendo (L. Micallef 46’), J. Brincat, R. Ekani, G. Mensha
Imwissija: R. Camenzuli 51’ (B)
Skurjaw: L. Seydi 20’, 42’, 53’, M. Smrekar 40’, 86’, R. Camenzuli 62’ (B), G. Mensha 2’, 88’, A. Borg 52’ (M)
Referee: Mario Apap
In-nazzjon Plejer tal-logħba- L’Imam Seydi (Birkirkara)

Birkirkara irritornaw għar-rebħ meta f’partita mimlija gowls għelbu lil Mosta bi skor tennistiku ta’ 6-3. Minkejja li l-gowls joffru spettaklu, il-partita kienet karatterizzata minn numru ta’ żbalji miż-żewġ naħat speċjalment fid-difiżi rispettivi.

L-Istripes kienu fil-bżonn tal-punti wara li ma rebħux u ma skorjawx fl-aħħar tliet partiti u diversi mistoqsijiet kienu qegħdin jduru fuq il-klan Karkariż. Mosta minn naħa l-oħra tilfu disa’ partiti f’dan il-kampjonat.

Il-kowċ Bezek kellu jgħaddi mingħajr diversi plejers inklużi d-difensuri ċentrali Nikola Vukanac u Maurizio Mazzetti, b’Gareth Sciberras jilgħab fil-qalba tad-difiża. Minkejja r-rebħa, Birkirkara jridu jaraw il-wirja tal-gowlkiper Kopric li deher inċert fil-ħarġiet tiegħu.

Kienu Mosta li fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti meta Godwin MENSHA rċieva ballun fit-tul fuq il-linja leminija, għadda minn ħdejn Bubalovic, qata’ lejn in-nofs u b’xutt tajjeb għar-rokna tax-xibka għeleb lil Kopric. Il-Mostin saħansitra kellhom l-opportunità li jirdoppjaw mal-kwarta logħob meta Mensha għeleb in-nasba tal-offside, b’daqqa’ ta’ ras qabeż antiċipa l-ħarġa ta’ Kopric iżda inkredibilment xeħet barra f’lasta vojta. Minuta wara Mosta reġa’ kellhom okkażjoni oħra tad-deheb, iżda din id-darba Kopric dawwar f’korner il-ħarba li spiċċat b’xutt ta’ Ekani.

Ta’ dawn l-okkażjonijiet, Mosta pattew qares għaliex Birkirkara ġabu d-draw fl-20 minuta. Kien kross mil-lemin ta’ Mujanovic lejn L’Imam SEYDI li għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras ħalla lil Yenz Cini jħares. Wara dawn l-azzjonijiet fi żmien qasir, il-partita kkalmat u kellna nistennew sal-35 minuta b’konklużjoni ta’ Ryan Camenzuli li ġiet salvata mingħajr problemi minn Cini.

Iżda l-Istripes marru fil-vantaġġ fl-40 minuta meta f’azzjoni maħduma b’perfezzjoni, L’Imam Seydi qassam lejn Matija SMREKAR li għeleb lil Cini b’xutt fil-baxx. Żewġ minuti wara Birkirkara skorjaw it-tielet gowl meta d-difiża Mostija nqabdet fuq sieq waħda b’L’Imam SEYDI jirċievi ballun mingħand Smrekar, jaqbeż liż-żewġ difensuri ċentrali u b’xutt għar-rokna minn pożizzjoni ċentrali għeleb lil Cini.

Mosta naqqsu d-distakk fit-52 minuta meta minn free-kick ta’ Guobadia, Adrian BORG għola tajjeb u antiċipa l-ħarġa ħażina ta’ Kopric. Iżda minuta wara, Birkirkara reġgħu ħadu l-vantaġġ ta’ żewġ gowls, meta bid-difiża ta’ Mosta wieqfa, il-konklużjoni ta’ Seydi ġiet salvata parzjalment minn Cini u l-mimduda, iżda l-ballun reġa’ spiċċa għand L’Imam SEYDI li xeħet f’lasta vojta.

Birkirkara komplew jiskorjaw u fit-62 minuta żiedu ieħor meta Ryan CAMENZULI minn pożizzjoni angolata għeleb lil Cini. L-Istripes setgħu żiedu ieħor fit-72 minuta iżda Smrekar mess il-ballun kif dieħel meta kien f’pożizzjoni ta’ offside. Smrekar reġa’ prova jiskorja erba’ minuti wara, iżda Cini blokka tajjeb.

Fit-83 minuta Kopric salva tajjeb fuq konklużjoni ta’ Mensha biex Birkirkara komplew ikabbru l-iskor fis-86 minuta meta minn kross ta’ Zarate, Matija SMREKAR żmarka ruħu u b’daqqa ta’ ras għeleb għal darba oħra lil Cini li seta’ biss isalva parzjalment.

Iżda l-partita ma kinitx spiċċat għaliex Mosta skurjaw id-disa’ gowl tal-logħba meta Godwin MENSHA ħa vantaġġ minn nuqqas ta’ attenzjoni tal-Istripes u b’xutt fil-baxx għeleb lil Kopric.