Internazzjonali

Cherie Blair tista’ tkun investigata dwar korruzzjoni

Rapporti mir-Renju Unit żvelaw rabtiet finanzjarji misterjużi bejn Cherie Blair, il-mara tal-eks-Prim Ministru Laburista Ingliż,Tony Blair, u d-dittatur korrott tal-Maldives li għandu rekord mill-agħar fil-qasam tad-drittijiet umani.

Qed jingħad li kumpannija li tispeċjalizza fil-liġi li waqqfet l-istess Cherie Blair (li kemm il-darba tippromwovi x-xogħol li qed tagħmel favur id-drittijiet tal-bniedem) qalgħet ‘il fuq minn 2,000 lira Sterlina kuljum bħala rappreżentanta ta’ Abdulla Yameen, il-President awtokratiku tal-Maldives.

Il-Maldives hu magħruf bħala tax haven fejn ma jeżistux obbligi tat-taxxa għall-barranin.

Investigazzjoni li mexxiet il-gazzetta Daily Mail sadanittant żvelat, fost oħrajn, li l-kumpannija ta’ Cherie Blair qablet li taħdem għad-dittatorjat ta’ Yameen għal sitt xhur bi ħlas ta’ 420,000 lira Sterlina

Fost l-allegazzjonijiet hemm li l-kumpannija tħallset aktar minn 200,000 lira Sterlina tal-pagament dovut lilha mingħand suspettat terrorista li hu mfittex mill-Interpol. Il-ħlas jitqies bħala ‘pass irregolari għall-aħħar’, bl-individwu inkwistjoni anki jkollu reputazzjoni bħala ‘bniedem li kien iqarraq bin-nies’.

B’riżultat ta’ dan, il-kumpannija ta’ Cherie Blair, li jisimha Omnia Strategy, tista’ tispiċċa suġġetta għal investigazzjoni dwar korruzzjoni min-naħa tas-Serious Fraud Office ta’ Londra u l-Gvern tal-Istati Uniti.

Abdulla Yameen tefa’ l-ħabs ‘il fuq minn 1,700 attivista tal-Oppożizzjoni flimkien mal-mexxejja ta’ tliet partiti politiċi rivali fil-Maldives. Id-dittatur kien organizza ‘proċessi finta’ ( jew show trials) li l-grupp Amnesty International ikkundanna bħala ‘daqqa ta’ ħarta lill-ġustizzja’.

Il-kumpannija Omnia, sadanittant, qalet li qed tieħu ‘bl-akbar serjetà’ is-suġġeriment li rċeviet flus mingħand ħaddieħor minbarra l-klijent stabbilit tagħha; b’kelliema jsostnu li ‘qegħdin jevalwaw il-pagament inkwistjoni b’urġenza’.

Dan waqt li l-avukati li jirrappreżentaw lill-vittmi tar-reġim tal-Maldives sejħu biex ir-relazzjoni finanzjarja bejn Cherie Blair u d-dittatorjat inkwistjoni tkun investigata bir-reqqa mill-awtoritajiet li jipproċessaw każi ta’ frodi fir-Renju Unit u l-Istati Uniti.