Minflok mal-Ministru Joe Mizzi sab iż-żejt kif kien wiegħed qabel l-elezzjoni, l-Ministru responsabbli mit-trasport u t-traffiku se jkun ta’ €432 miljun lill-operatur tat-trasport pubbliku Spanjol minn flus il-poplu Malti u Għawdxi.
Storja fil-ġurnal il-Mument tgħid li dan joħroġ mill-kuntratt li l-Ministru Joe Mizzi poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar l-Erbgħa filgħaxija waqt l-aġġornament. Dan il-kuntratt bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon ilu biex jiġi ppubblikat sena u xahrejn, minn meta l-operatur il-ġdid beda jmexxi t-trasport pubbliku f’pajjiżna, iżda l-Ministru dejjem ġab l-iskuża li ma jridx jippubblikah biex ma jkunx ikkritikat.
Kuntratt ‘jinten’ għal 15-il sena
Fost l-affarijiet ‘ġodda’ fil-kuntratt ippubblikat, wieħed isib li l-kuntratt iffirmat hu għal 15-il sena, li jfisser li b’kollox, il-poplu Malti u Għawdxi se jkun ħallas b’kollox €432 miljun, li jfisser piż ta’ €3,000 fuq kull familja Maltija u Għawdxija.
Dwar dan, f’kummenti ma’ il-Mument, ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli qalet li “minbarra t-€3,000 li kull familja se tkun qed toħroġ mill-but, dawk li jużaw it-trasport pubbliku qed iħallsu nollijiet aktar għoljin milli kienu jħallsu qabel, waqt li dawk li ma jużawx it-trasport pubbliku, qed idumu aktar fit-traffiku u jħallsu fost l-ogħla prezzijiet għall-petrol u d-diesel fl-Unjoni Ewropea.”
Hi fakkret li t-ticket ta’ ġurnata li kien €1.50 issa tneħħa, biex kull min juża t-trasport pubbliku qed ikollu jħallas 75ċ għal kull vjaġġ li jagħmel, biex fl-aħħar tal-ġurnata, dak li jkun ikun ħallas ferm aktar milli kien iħallas qabel. Dan minbarra l-ħlas ta’ €5 għall-card.
Marthese Portelli qalet li kull sena, l-poplu qed iħallas il-valur tal-iskandli tal-Cafè Premier u ta’ Gaffarena flimkien għal erba’ darbiet. Hi fakkret ukoll li dan il-kuntratt li ġie ppubblikat din il-ġimgħa ġie ffirmat wara li l-Ministru Joe Mizzi u l-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista James Piscopo marru Spanja jiltaqgħu mal-kumpanija qabel saħansitra ntgħażlet l-offerta tal-Ispanjoli. “Aħna ilna ngħidu li dan il-kuntratt jinten, u issa li ġie ppubblikat, nikkonfermaw,” sostniet Marthese Portelli.
Hi qalet li kollox jindika li l-kuntratt ma nkitibx mill-Gvern Malti iżda mill-operatur Spanjol, b’tali mod li l-Gvern Malti ma ddefendiex l-interess tal-pubbliku Malti u Għawdxi li jħallas it-taxxi u li juża t-trasport pubbliku.
Ħaddiema Maltin jitilfu x-xogħol u jidħlu oħrajn barranin b’kundizzjonijiet ħżiena
Punt importanti li joħroġ huwa dak marbut mal-ħaddiema tal-kumpanija. Marthese Portelli spjegat li filwaqt li l-operatur qed jieħu €432 miljun, il-ħaddiema mhux jingħataw kundizzjonijiet tajbin biex jaħdmu. Hi fakkret li anke l-General Workers’ Union kienet kostrett li torganizza strajk tal-ħaddiema fit-trasport pubbliku fil-25 ta’ Settembru li għadda. Hi sostniet li l-Gvern, filwaqt li ma ddejjaqx jagħti dawn il-miljuni kollha, ma ħadimx biex jassigura li l-ħaddiema Maltin ikollhom kundizzjonijiet u pagi tajbin. “Tant hu hekk li l-operatur spiċċa jġib ħafna sewwieqa barranin biex iżommu l-pagi baxxi u l-kundizzjonijiet ħżiena,” qalet Marthese Portelli. Hawnhekk hi rreferiet għall-kuntratt u sostniet li l-kuntratt jistipola li s-sewwieqa kollha jridu jkunu jafu jitkellmu kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, xi ħaġa li kull min juża t-trasport pubbliku, jaf li ma teżistiex.
Riforma fuq riforma b’servizz isir għall-agħar
Kemm ilu li ħa t-tmexxija tat-trasport pubbliku taħt idejh, il-Ministru Joe Mizzi wettaq tliet riformi, waħda kull sena. Dwar dan, ix-Shadow Minister qalet li Joe Mizzi qed jispiċċa jagħmel riforma fuq riforma, għax dak li jkun għamel ikun falliment.
Il-kuntratt ippubblikat jistipula wkoll li l-operatur jitħallas skont kemm jagħmel kilometri. Hawnhekk, Marthese Portelli qalet li din hi waħda mir-raġunijiet għalfejn il-karozzi tal-linja kultant jidhru jduru fil-vojt. Fost l-oħrajn, hi ġabet eżempji b’xi rotot, bħal dik tas-74, li fis-5:45am, tmur il-Blue Grotto u Ħaġar Qim fix-xitwa. Din titlaq miż-Żurrieq u l-ħaddiema miż-Żurrieq iridu jmorru l-Blue Grotto, Ħaġar Qim, il-Qrendi, l-Imqabba u jkunu għadhom fl-istess post meta jridu jmorru għax-xogħol malajr.
Marthese Portelli temmet tgħid li l-kuntratt ippubblikat din il-ġimgħa jikkonferma s-serq tal-Gvern Malti minn fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Hi sostniet li l-Ministru Joe Mizzi ma jistax ikompli jibqa’ jaħrab mill-mistoqsijiet u jwieġeb billi jgħid mingħand min u b’kemm qegħdin jixtru l-fuel l-operaturi Spanjoli.
//= $special ?>