Fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, in-nies se jkunu jafu kif għandhom jivvutaw. Fl-elezzjoni, n-nies se jivvutaw mhux lil min ingannahom, imma lil min jgħidilhom il-verità, l-onestà, l-integrità u s-serjetà. Il-Gvern ta’ Joseph Muscat inganna bil-poplu Malti u Għawdxi fuq skala nazzjonali, għax wiegħed kollox lil kulħadd, anke lil dawk li m’għandhomx raġun.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt attività politika f’Ħ’Attard, li matulha elenka numru ta’ eżempji li jikkonfermaw l-ingann ta’ Muscat. Fost l-oħrajn, hu rrefera għall-iskandlu ta’ Gaffarena, li minbarra li huwa skandlu ta’ korruzzjoni, huwa wkoll prova tal-ingann ta’ Muscat. “Filwaqt li fil-mass meetings, kien jgħidilna li se jmexxi gvern nadif, minn wara dahar kulħadd, kien mar jiltaqa’ ma’ Gaffarena u wara li laħaq Prim Ministru, tah il-permess għall-pompa tal-petrol illegali f’Ħal Qormi,” qal Simon Busuttil.
Hu spjega wkoll li l-ingann fl-iskandlu ta’ Gaffarena joħroġ mill-fatt ukoll li filwaqt li Musact wiegħed serjetà u integrità, qed iwettaq l-aktar politika maħmuġa li teżisti, bi skandlu li għadu ma ngħalaqx. Hu rrepeta t-tliet mistoqsijiet li ilu jagħmel għal dawn l-aħħar ġimgħat u li sa issa għadhom ma ġewx imwieġba, jiġifieri:
1.Meta Muscat sar jaf bl-iskandlu ta’ Gaffarena?
2.Meta l-Kummissarju tal-Pulizija se jibdew jinvestigaw dan l-iskandlu. Hu rrefera għall-ittra formali li għamlet l-Oppożizzjoni aktar kmieni din il-ġimgħa, li fiha, talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga l-iskandlu. “Jekk il-pulizija hija tassew tal-pajjiż kollu, tinvestiga dan l-iskandlu u mhux tiproteġi lil Muscat u lil Gvern,” qal Simon Busuttil.
3.Lil min ħallas Gaffarena biex ħa €3.5 miljun fi flus kontanti u artijiet mill-Gvern ta’ Joseph Muscat?
Dwar il-kwistjoni tal-ħatriet fil-Maġistratura, Simon Busuttil qal li minbarra li hu każ ta’ inkompetenza, huwa każ ieħor ta’ ingann. Dan peress li ż-żewġ ħatriet li nnomina l-Gvern huma ċari kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta. “X’meritokrazija hi li tappunta żewġ Maġistrati mhux minħabba x’jafu, iżda minħabba min huma?” staqsa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
L-ingann f’dan il-każ joħroġ mill-fatt ukoll li l-Ministru Owen Bonnici ilu 3 snin jgħid li se jagħmel riforma fil-ġustizzja u fil-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura. “Jason Azzopardi għamel fi tliet ijiem dak li Owen Bonnici m’għamilx fi tliet snin,” sostna Simon Busuttil. Hu sostna li jekk il-Gvern mhux lest li jpoġġi l-abbozz ta’ liġi mressaq mill-Oppożizzjoni għad-diskussjoni, l-Oppożizzjoni se tuża l-ħin tagħha fil-Parlament nhar il-Ħamis li ġej biex tibda d-diskussjoni Parlamentari.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għal-laqgħa tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja skedata għal għada, u appella lill-President ta’ Malta biex tqajjem il-każ tal-Avukat Caroline Farrugia Frendo u biex ma tkomplix bil-ħatra tagħha bħala Maġistrat dment li tkun kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Hu rrefera wkoll għal dak li qal Owen Bonnici aktar kmieni llum, jiġifieri li hu biss għandu raġun, u l-esperti tal-liġi m’għandhomx raġun.
Simon Busuttil sostna li l-Gvern ta’ Muscat inganna wkoll fil-qasam tat-trasport għaliex wara li kisser is-sistema li kienet teżisti, ħoloq sistema li tiswa aktar u hija agħar. Hu sostna li bit-€432 miljun li l-poplu Malti u Għawdxi qed jagħti lill-operatur privat, kienu jinbnew bosta skejjel ġodda, jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa, u anke tingħata kura u mediċini lil dawk li qed isofru mill-kanċer.
Eżempju ieħor tal-ingann ta’ Muscat huwa fil-prezzijiet għolja tal-petrol u d-diesel. Simon Busuttil fakkar li meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien fl-istess livelli tal-lum, il-prezz tad-diesel kien 61c, filwaqt li llum, il-Gvern Malti qed iżommu għoli fil-livelli ta’ €1.22. “Jekk f’ġimgħa tmorru tagħtu €30 diesel, ftakru li l-Gvern qed jisraqkom ta’ nofsu, bi €15,” qal Simon Busuttil.
Fost eżempji oħra tal-ingann ta’ Muscat, hu semma l-prekarjat fejn spjega li filwaqt li Muscat kien jgħid li se jeqred il-prekarjat, illum, il-prekarjat għadu jeżisti, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jġib eżempju ta’ mara li taħdem fi skola tal-Gvern li għandha kuntratt bil-prekarjat. Hu rrefera wkoll għaċ-childcare, fejn issa ġie żvelat li dan mhux veru b’xejn, għaliex il-ġenituri qed jirċievu kontijiet għal meta uliedhom ma jmorrux l-iskola. Fl-aħħarnett, hu semma l-mod kif Muscat inganna bil-bejjiegħa tal-monti.
Simon Busuttil temm id-diskors tiegħu b’appell lill-Laburisti ġenwini kif ukoll lil dawk in-Nazzjonalisti li għażlu l-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni, u sostna li l-fiduċja għandha titpoġġa mhux b’min bena l-kastell tiegħu fuq it-tafal, iżda fuq min qed jibni d-dar tiegħu fuq pedamenti sodi. “Il-pedamenti tagħha huma sodi għaliex mibnija fuq il-verità, l-onestà u l-integrità,” temm jgħid Simon Busuttil.
//= $special ?>