Dikjarazzjonijiet li qed isiru minn esponenti ewlenin tal-Partit Laburista qed jikkonfermaw li l-partit fil-Gvern immexxi minn Joseph Muscat, kważi tliet snin mill-elezzjoni ġenerali ’l hawn, spiċċa qed jitlef ħafna mill-qalba tal-voti ta’ dawk assoċjati mal-Partit Laburista u li fl-aħħar elezzjoni vvutaw lill-Partit Laburista.
Nhar il-Ħamis li ġej, id-delegati tal-Partit Laburista se jkunu msejħa biex jivvutaw għall-approvazzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi bħala d-Deputat Mexxej il-ġdid għall-Affarijiet tal-Partit minflok Toni Abela (nominat mill-Gvern Laburista għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri). Bħala parti mill-istrateġija tal-Partit Laburista, hekk kif bħalissa qed isiru l-laqgħat annwali tal-kumitati lokali tal-Partit Laburista, ħafna minnhom qed ikunu indirizzati minn Konrad Mizzi stess.
Fi storja llum il-gazzetta Il-Mument qed tiżvela li l-Ministru Konrad Mizzi xejn mhu qiegħed jintlaqa’ tajjeb mill-membri tal-kumitati lokali Laburisti f’dawn il-laqgħat. Ħafna drabi qed toħroġ fil-beraħ ir-rabja lejn il-Partit Laburista ta’ dawk li dejjem qiesu lilhom infushom leali lejn il-partit.
Din is-sitwazzjoni hi kkonfermata wkoll xjentifikament skont l-aħħar stħarriġ tal-fehma pubblika li sar mill-gazzetta MaltaToday. Mir-riżultat tal-istħarriġ tal-MaltaToday joħorġu elementi importanti f’dan ir-rigward. L-ewwel, li minn dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, madwar 34,000 ruħ illum jgħidu li ma jerġgħux jivvutaw lil-Labour, u minn dawn l-34,000 li qed jgħidu li ma jerġgħux jivvutaw lil-Labour; 11,000 qed jgħidu li saħansitra jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
It-tmexxija tal-Partit Laburista hi konxja sew li għandha l-problemi biex timmobilizza lill-elettorat marbut mal-Labour. Il-Mument tgħid li għandha informazzjoni li waslet minn sorsi qrib ħafna tat-tmexxija tal-Partit Laburista, li f’dawn il-laqgħat fil-privat u f’okkażjonijiet oħra anki fil-miftuħ waqt li tkun għaddejja s-seduta, jintqal diskors bla tlaqliq li l-Partit Laburista qed jitlef il-qalba tiegħu, jekk mhux ukoll diġà tilifha.
Diskors bħal dan intqal fl-aħħar jiem mill-Ministru Konrad Mizzi meta kien qed jindirizza numru ta’ membri ta’ kumitati lokali tal-Partit Laburista f’lokalità partikulari. Għal din il-laqgħa l-Ministru Konrad Mizzi kien akkumpanjat minn dik li kienet reporter tal-midja Laburista Lindsey Gambin.
F’din il-laqgħa partikulari, il-Ministru Konrad Mizzi, li fil-jiem li ġejjin se jkun qiegħed jinħatar Deputat Mexxej Laburista wara li n-nomina tiegħu kienet l-unika waħda li ġiet ippreżentata, kellu pressjoni kbira fuqu wara r-rabja li wrew il-membri tal-kumitati preżenti. Ħafna kienu dawk li fl-ilmenti tagħhom iddikjaraw li l-Gvern nesa lil-Laburisti, li dawn mhux qed jinqdew, saħansitra lanqas meta jmorru Kastilja għall-għajnuna, li jintlaqgħu b’arroganza u li jgħidulhom li min ma jridx jivvota għax ma jinqediex jista’ ma jivvutax.
Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li quddiem din is-sitwazzjoni, il-Ministru Konrad Mizzi rrikonoxxa li l-Partit Laburista fil-Gvern hu mifni b’din il-problema, tant li f’mument minnhom kien kostrett jistqarr li ntilef il-‘core’ tal-partit.
Intant, matul il-laqgħa, dawk preżenti ħarġu wkoll bi proposti dwar kif din il-problema tista’ tkun indirizzata, u min-naħa tiegħu, Konrad Mizzi wiegħed li se jagħmel l-almu tiegħu. Fl-istess nifs ma ddejjaq xejn jappellalhom biex il-Ħamis li ġej iħeġġu lid-delegati kollha biex imorru jivvutawlu bi ħġarhom għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit.
Il-Mument tiżvela wkoll li l-Ministru Konrad Mizzi tkellem ukoll dwar il-ħidma tiegħu fil-ġejjieni bħala Deputat Mexxej Laburista. Lil dawk preżenti qalilhom li l-ħidma tiegħu se tkun aktar iffukata fuq il-ħidma fil-partit, milli fuq is-setturi li hu responsabbli minnhom, jiġifieri s-setturi tas-saħħa u tal-enerġija.
Osservaturi politiċi ilhom għal dawn l-aħħar xhur, b’mod partikulari, jikkummentaw kif it-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat abbandunat dik li kellha tkun il-politika ta’ servizz lejn min hu l-aktar fil-bżonn, fosthom il-familji, il-ħaddiema, l-anzjani u l-pensjonanti, u minflok il-Gvern ta’ Muscat resaq ħafna aktar qrib u ta aktar attenzjoni lil min hu fid-dinja tan-negozju u l-iżvilupp. L-istess osservaturi qalu li konferma ta’ din is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Gvern preżenti hi kif f’dawn l-aħħar tliet snin kienu biss l-iskandli li jinvolvu rabtiet bejn il-Gvern u negozjanti lokali u barranin li ddominaw dak li seħħ f’pajjiżna taħt l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat.
//= $special ?>