Lokali Parlament

Indirizz lill-Parlament biex tiddaħħal il-liġi tal-Ewtanasja

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia se jilqa’ t-talba ta’ Joe Magro ta’ 56 sena biex jindirizza lill-membri parlamentari rappreżentanti fi tliet Kumitati Parlamentari biex waqt li jispjegalhom il-marda terminali li għandu tal-Amyotrophic Lateral Sclerosis (ALS), se jagħmel talba biex il-Parlament Malti jgħaddi liġi li tippermetti l-mewt assistita (ewtanasja).

L-Ispeaker Anġlu Farrugia kkonferma dan ma’ Il-Mument meta kien mitlub jikkummenta fuq it-talba li saret minn Joe Magro li saret pubblika għall-ewwel darba nhar il-Ġimgħa li għadda meta hu flimkien ma’ martu Marlene kienu intervistati minn Peppi Azzopardi waqt il-programm ‘Xarabank’.

Lil Il-Mument, l-Ispeaker spjega li kif tasal għandu din l-ittra u d-dokumentazzjoni se jagħti bidu għall-proċeduri parlamentari biex jibda l-proċess li għandu jwassal ħalli jsir l-indirizz lit-tliet Kumitati Parlamentari – dawk dwar is-Saħħa, l-Affarijiet Soċjali u l-ieħor dwar il-Familja.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia minnufih qal li “nifhem li għandu jingħatalu ċ-ċans biex jindirizzhom.”

Fl-ittra lill-Ispeaker, li siltiet ewlenin minnhom inqraw waqt il-programm ‘Xarabank’, Joe Magro waqt li spjega l-marda li qiegħed ibati minnha, talbu biex jingħata l-permess ħalli jkun jista’ jindirizza lill-membri parlamentari biex jifhmu s-sitwazzjoni tiegħu u ta’ dak li qed ibati minnu, u biex tidħol fis-seħħ liġi li tippermetti l-mewt assistita.

Nhar it-2 ta’ Marzu li ġej, inzerta li se jitlaqqgħu tliet Kumitati Parlamentari flimkien dawk dwar is-Saħħa, l-Affarijiet Soċjali u l-Familja, u Joe Magro talab lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex dakinhar stess hu jmur jagħmel l-indirizz tiegħu lill-parlamentari Maltin.

L-għażla hi bejn li ma jasalx fl-istadju li jkun paralizzat jew li jagħmel suwiċidju

Joe Magro li qiegħed ibati minn din il-kundizzjoni terminali qal: “ma rridx nasal f’punt li nkun paralizzat. Qed nitlob li ssir liġi għax mingħajr liġi jkolli nagħmel dak li ma rridx; jew niġi paralizzat u jekk ma rridx niġi paralizzat, soluzzjoni waħda hemm. Kulħadd jaf x’inhi. Hemm ħafna tipi ta’ dik is-soluzzjoni. Jiġifieri s-suwiċidju. Imma mhux xewqa tiegħi li nagħmel hekk, u għalhekk irrid li tidħol din il-liġi.”

It-talba ta’ Joe Magro hija li l-liġi li jrid li tidħol fil-pajjiż tkun tippermetti li jkollu mewta assistita (ewtanasja) hekk kif jasal fi stadju ta’ paraliżi. Mistoqsi jekk jimmaġinax sitwazzjoni fejn ikun jaf il-ġurnata u l-ħin meta jkun se jmur, Magro wieġeb: “jien ma nimmaġinax li niġi fejn kulma rrid nagħmel, ikolli bżonn in-nies. Kulħadd irid imut.”

“Jekk inkun jien, inkun irrid immut”

Marlene, li hija martu li wkoll kienet preżenti waqt il-programm ikkonfermat li filwaqt tixtieq tbiddel il-fehma ta’ żewġha, fl-istess ħin mhux ix-xewqa tagħha li tarah f’dik is-sitwazzjoni. “Ma tixtieq tara lil ħadd f’sitwazzjoni fejn ikun paralizzat… imma naħseb li jekk inkun jien, ukoll inkun irrid immut.” Madankollu hi qalet li taqbel mal-ewtanasja għax ħadd m’għandu dritt jiddettalek x’tagħmel b’ħajtek. “Ħajti tiegħi u nagħmel biha li rrid.”