Il-leġġenda tan-Norveġja John Arne Riise, li fost l-oħrajn fil-passat lagħab ma’ A.S. Monaco, Liverpool, A.S. Roma u Fulham, ma jeskludix li jilgħab f’Malta jekk tasallu din l-opportunita’.
Stqarr dan l-istess Riise, liktar plejer li lagħab mat-tim nazzjonali tan-Norveġja, f’intervista li ta lil dan is-sit iktar kmieni din il-ġimgħa fejn spjega li x-xewqa tiegħu hi li jibqa’ jilgħab sa 40 sena, u sadattant jistudja biex jakkwista l-liċenzja ta’ kowċ.
Riċentament il-plejer kien qed jilgħab ma’ Delhi Dynamos FC fl-Indja, fejn riċentament qed issir ħidma biex bl-akkwist ta’ numru ta’ plejers ta’ isem tingħata ħajja u tiżdied il-popolarita’ tal-kampjonat lokali.
“Kuntent li tajt il-kontribut tiegħi għall-futbol fl-Indja, flimkien ma’ plejers oħra bħal Florent Malouda u Roberto Carlos, iżda minbarra l-futbol għandi l-bżonn li nkun soċjali wkoll,” jispjega Riise.
Jgħid li għalih hu importanti li minbarra l-futbol ikun hemm ħajja u kien għalhekk li l-esperjenza fl-Indja ma tantx marret tajjeb għalih. “Irrid li minbarra l-futbol milgħub ikolli xi ħaġa għaddejja f’ħajti biex iżżommni kuntent.”
Din l-intervista kienet possibbli grazzi għal Betsson Malta, li joperaw mill-Betsson Experience Center f’Ta’Xbiex,hekk kif John Arne Riise hu wieħed mill-ambaxxaturi tal-kumpanija.
//= $special ?>