Sport Sport Ieħor

Kompetizzjoni tal-Armwrestling lejn tmiem Frar

Fit-28 ta` Frar 2016 se ssir kompetizzjoni tal-Armwrestling ġewwa l-istabbiliment Maxtura fit-triq prinċipali li tagħti għal Marsalforn. Id-dħul ta` dan l-avveniment huwa ta` €5 biss kemm għal kontestanti kif ukoll għal min se jattendi. L-avveniment qed jiġi  organizzat mill-Gozo Malta Armwrestling li huma affiljati mal-Gozo Sports Board u taħt it-tmexxija ta’ David Apap Camilleri.

Il-kompetizzjoni tal-Armwrestling tkun imqassma f`kategoriji skont il-piż, tipikament taħt il-75 kilo, taħt id-90 kilo u kategorija Open. Dawn għal kategorija tal-lemin. Ikun hemm ukoll kategorija bix-xellug li normalment tkun Open. Il-parteċipanti jistgħu jikkompetu kemm bil-lemin u bix-xellug. Din hija r-raba’ kompetizzjoni li l-Gozo Armwrestling qed jieħdu sehem fiha.

Jekk immorru lura fl-istorja, f’Malta kienu jsiru xi kompetizzjonijiet daqs ħdax-il sena ilu però għal xi raġuni jew oħra dawn ma baqgħux isiru. David Apap Camilleri jispjegalna li huwa minn dejjem kien dilettant tal-isports u dejjem ipprova sports ġodda.

“Ġieli rajthom jagħmluha l-iskola meta kont is-sekondarja u minn dejjem kienet togħġobni u ġieli kont nieħu sehem ukoll għalkemm kien hemm minn kien aħjar minni. Aktar il-quddiem kont għamilt ħabib ma’ wieħed li kien dilettant sew tagħha u bqajt inħobbu l-isport. Xtaqt noħloq xi ħaġa oriġinali u peress li qatt ma rajt kompetizzjoni tal-Armwrestling isseħħ f`Għawdex fuq mejda professjonali, bdejt infittex. Fittixt biex nara hemmx għaqda f’Malta però l-għaqda qaluli li ma għadhomx jorganizzaw avvenimenti.”

“Gym instructor kien infurmani li kien hemm gym Malta li darba organizzaw avveniment u wara li kellimtu aċċetta li jislifni l-mejda tiegħu għall-kompetizzjoni u jiġi bħala referee. Sibt għajnuna kbira minn xejn ħlief Allen Fisher li huwa Amerikan u 26 darba Champion tad-Dinja tal-middleweight. Ikkuntattjatu permezz ta’ facebook imma qatt ma bsart li bniedem ta’ fama mondjali se jkellimni lura. Mhux talli hekk talli offra li jkellimni permezz ta’ skype u spjegali fid-dettall ir-regolamenti u x-xogħol li jrid isir qabel il-kompetizzjoni. Ix-xewqa tiegħi u anke ta’ Allen hija li xi darba Allen jiġi jagħmel training course Malta. Allen fis-sajf ikun fl-Ewropa allura mhux suppost tkun problema daqshekk kbira.”

L-ewwel kompetizzjoni organizzata mill-Gozo Armwrestling saret fl-14 ta’April 2012. Kien hemm domanda tajba minn nies Għawdxin li riedu jieħdu sehem u anke kontestanti Maltin li kienu daħlu fil-kampjonati Maltin 10 snin qabel aċċettaw l-invit. B`kollox kien hemm 25 kontestant.

Min hu interessat jikkompeti jew jattendi huwa mitlub jkellem lil David Apap fuq 99393207 jew permezz tal-paġna tal-facebook Gozo Malta Armwrestling.