Il-Pollakk Kajetan Poznanski ta’ 27 sena li jinsab miżmum arrestat f’Malta jistenna li jiġi estradit, wara li ħarab mill-Polonja hekk kif kien għadu kemm qatel lill-għalliema tiegħu Catherine ta’ 30 sena b’daqqiet ta’ xabla ta’ Samuraj nhar it-3 ta’ Frar li għadda, kien irnexxielu joħroġ mill-bank madwar US$15,000 (€13,474). Il-flus ħariġhom qabel ma ħarab minn pajjiżu. Sorsi qrib l-investgaturi huma rrappurtati li qalu li “dan l-ammont kien biżżejjed biex Poznanski jostor il-movimenti tiegħu għal ftit xhur mhux ħażin.” Dan ġie żvelat fl-edizzjoni ta’ din il-ġimgħa tal-ġurnal Il-Mument.
Skont l-istazzjon TVN Warszawa, Poznanski l-aħħar li deher kien fl-istazzjon ċentrali tal-ferrovija f’Varsavja. Minn hemm hu vjaġġa lejn Poznan. Mill-Polonja hu vjaġġa bil-ferrovija lejn il-Ġermanja. Waqt li kienet għaddejja tfittxija għalih fil-Ġermanja, hu ħarab lejn l-Italja fejn kien f’diversi bliet. Fl-aħħar vjaġġ, qabel ma nqabad, hu telaq minn Sqallija permezz tal-catamaran sakemm wasal f’Malta. L-investigaturi Pollakki ġew ikkwotati jgħidu li Poznanski kien intelliġenti u ta’ spiss biddel il-mezzi ta’ trasport li uża.
Ħalla traċċi ta’ telekomunikazzjoni
Skont l-Uffiċċju tal-Prosekutur ġewwa f’Varsavja, l-aggressur ħalla wkoll traċċi ta’ telekomunikazzjoni, u dan għen lill-investigaturi biex isegwuh. Madankollu, Przemyslaw Nowak, il-kelliem uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, semma kif Poznanski kien attent ukoll biex ma jużax mezzi moderni tat-teknoloġija. “Li kieku għamel dan, konna naqbduh aktar malajr,” qal Nowak. It-tfittxija għalih damet għaxar t’ijiem u ħadu sehem l-awtoritajiet ta’ kważi nofs l-Ewropa.
L-investigaturi għadhom ma jridux jiżvelaw it-traċċi ta’ telekomunikazzjoni li qed isostnu li kienu qed isegwu, u li wasluhom biex jikkonkludu li l-aggressur kien jinsab f’Malta. Probabilment Poznanski għamel użu mill-e-mail jew uża t-telefon. Għalkemm ħbieb li jafu lil Poznanski ma jemmnux li għamel użu mit-telefon minħabba suspetti li kien ilu sitt xhur ma jżomm kuntatt magħhom u kien saħansitra neħħa l-mowbajl li kellu.
Iżda l-arrest tiegħu f’Malta wasal wara li kien hemm qsim ta’ informazzjoni mal-Konsolat tat-Tuneżija, fejn hu maħsub li ried imur Poznanski. F’Malta hu kien residenti fil-lukanda Asti fi Triq Sant Ursola fil-Belt.
Żewġ investigaturi Pollakki jħejju d-dokumentazzjoni għall-Prosekuzzjoni
Meta kien arrestat fil-venda tal-Belt instab li kellu wkoll sikkina. F’Malta kien hawn żewġ investigaturi minn Poznan li ħadmu mal-pulizija lokali. Waqt li huma ġabru kull ħaġa li kienet fil-pussess ta’ Poznanski li tista’ tgħin fl-istħarriġ, l-investigaturi Pollakki qegħdin ukoll iħejju d-dokumentazzjoni kollha biex ikun estradit. Mhux eskluż li Poznanski jittieħed minn Malta lejn pajjiżu b’titjira speċjali lejn Varsavja fejn x’aktarx jinżamm fil-ħabs tal-kapitali Pollakka.
Mhux l-ewwel darba li kien iltaqa’ mal-vittma
Skont tagħrif mhux uffiċjali, dakinhar tad-delitt, ma kinitx l-ewwel okkażjoni li Poznanski kien iltaqa’ mal-għalliema tiegħu li kienet mara ta’ esperjenza u rispettata ħafna. Madankollu dik id-darba, hu kien ippjana sew id-delitt. Hu qatel lill-għalliema f’appartament f’wieħed mid-distretti tal-kapitali Varsavja, qattagħha biċċiet u ġarr il-fdalijiet tagħha f’basket. Wara qabad taxi biex imur lura fl-appartament tiegħu f’parti oħra ta’ Varsavja. Meta x-xufier tat-taxi innota d-dmija li bdiet ittebba’ l-basket u beda jissuspetta, Poznanski wieġbu li fil-basket kellu “laħam tal-majjal.”
Dr. Joanna Stojer li kienet fil-post tad-delitt waqt l-investigazzjoni ġiet ikkwotata tgħid: “dan id-delitt tant jidher sofistikat, li wieħed jista’ jassumi li mhuwiex l-ewwel wieħed li wettaq l-aggressur. Id-delitt twettaq f’ċirkostanzi mhux tas-soltu, u dan jindika li l-aggressur ried ixekkel lill-pulizija.”
Il-katavru tal-vittma nstab aktar kmieni dan ix-xahar fil-Polonja f’rucksack u bagalja mbiċċer f’biċċiet b’xabla ta’ Samuraj. Poznanski huwa kollezzjonist ta’ dawn ix-xwabel. Madankollu Poznanski qatt ma kellu rekord kriminali, li wara dan id-delitt, fil-Polonja tlaqqam ‘Hannibal Lecter’ wara li rriżulta li l-aggressur kien affaxxinat mill-karatru fittizju tal-ktieb ‘The Silence of the Lambs’ ta’ Thomas Harris.
F’Malta qatt ma kien hawn qattiela ta’ din ix-xorta
Il-Mument tkellem mal-awtur u l-istoriku dwar il-kriminalità Eddie Attard, Hu qal li dwar il-każ ta’ Poznanski qed jiġi allegat li huwa ossessjonat mill-karattru fitizzju ta’ Hannibal Lecter, il-psikjatra u serial killer li mhux biss wettaq omiċidji b’mod makabru, imma saħansitra kiel partijiet tal-vittmi. Għalkemm fil-kotba li nkitbu dwar Lecter dan il-personaġġ huwa fittizju, madankollu fir-realtà kien hemm qattiela b’diżordni mentali ta’ din ix-xorti.
B’xorti tajba, f’Malta ma kellniex. Imma fl-Istati Uniti kien hemm, fosthom Jeffrey Dalmer, mlaqqam il-Kannibolu ta’ Milwaukee. Fl-1992 Dalmer kellu 16-il kundanna ta’ għomor il-ħabs għad-delitti li wettaq. Kien inqatel fil-ħabs fl-1994. Ir-Russi kellhom lil Andre Chikatilo li nqabad wara ħafna snin u fl-1994 ingħata l-piena tal-mewt. Kien hemm ukoll mara kkundannata li wettqet dawn l-atti makabri, Omaima Aree Nelson, mara Eġizzjana, li tinsab il-ħabs wara li nstabet ħatja li fl-1991 qatlet lil żewġha u wara qatgħetlu rasu. Kien allegat li l-mara poġġiet ras-żewġha f’borma u sajrirha.
Każi u proċessi ta’ estradizzjoni minn Malta
Eddie Attard qal ukoll li it-talbiet għall-estradizzjoni ta’ persuni li jkunu ssuspettati li wettqu delitt f’pajjiż ieħor u wara ġew Malta jmorru lura għal ħafna żmien. Xi żmien ilu kellna l-każ tat-Taljan Stefano Detassis, direttur maniġerjali ta’ kumpanija li f’Mejju 2015 ġie estradit lejn l-Italja wara li l-Qorti Maltija qalet li ma kien hemm xejn x’jimpedixxi dan il-mandat. Detassis kien imfittex mill-pulizija Taljana fuq każ ta’ frodi u akkużi oħra.
Il-pajjiżi tal-UE għandhom il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, jiġifieri talba minn awtorità ġudizzjarja f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE biex tiġi arrestata persuna fi Stat Membru ieħor u biex dik il-persuna tiġi ċeduta lill-ewwel Stat għall-fini ta’ prosekuzzjoni jew eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. Il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Huwa jippresupponi kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.
Fost l-estradizzjonijiet minn Malta kien hemm dak ta’ Awwissu 2001 meta l-Qorti ordat l-estradizzjoni lejn it-Turkija ta’ Abbas Aly, Eġizzjan, minħabba allegat omiċidju ta’ Ingliż fit-Turkija fl-1998. L-estradizzjoni saret fid-9 ta’ Settembru 2001 wara li l-gvern Malti ngħata l-assigurazzjoni li ma kinitx se tintalab il-piena tal-mewt għal dan il-każ.
Imma l-aktar każ kontroversjali dwar l-estradizzonijiet kien dak tal-miljunarju Ingliż, Alfred John Gaul, li kien għamel żmien jgħix f’Malta. Fl-1978 kienet saret talba mill-pulizija Ingliża għall-estradizzjoni tiegħu fuq allegazzjoni li kien imdaħħal fil-qtil ta’ martu. Madankollu l-Qorti ta’ Malta ma sabitx evidenza biżżejjed biex tapprova l-estradizzjoni ta’ Gaul. Snin wara kien id-Director of Public Prosecutions li qal li ma kienx hemm evidenza biżżejjed biex Gaul jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
//= $special ?>