Edukazzjoni Lokali Xjenza u Teknoloġija

Malta b’satellita fl-ispazju

Kważi 50 sena wara li l-Ambaxxatur Malti għan-Nazzjonijiet Uniti Arvid Pardo stabbilixxa l-prinċipju tal-liġi internazzjonali li tiggverna l-ġurisdizzjonijiet sopranazzjonali, Malta finalment lesta li tieħu inizzjattiva lil hinn mill-fruntiera aħħarija tal-“wirt komuni tal-bniedem” – l-ispazju. Dan billi Malta se tkun qed ittella’ satellita fl-ispazju.

L-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Birmingham fir-Renju Unit, il-Malta Amateur Radio League (MARL),u l-kumpanija Taljana tal-Astrodinamika, GAUSS Srl f’Ruma, qed tippjana ‘l-ewwel missjoni spazjali’ ta’ Malta.

Il-ġurnal Il-Mument fi storja maħruġa llum żar il-laboratorji tal-Fakultà tal-Inġinerija fl-Universita ta’ Malta fejn tkellem mal-persuni repsonsabbli minn dan il-proġett.

Is-satellita hi apparat minjatura b’qisien ta 5x5x5 ċm u li jiżen 250 gramm, magħruf bħala PocketQube pico-satellite, li se jiġi llanċjat fl-2018 fl-orbita terrestri baxxa sinkronizzata max-xemx (sun-synchronous low earth orbit – LEO) u se jkun użat biex jagħti prova tal-validità ta’ apparat li jittella’ abbord (magħruf l-aktar bħala l-payload).

Dan l-apparat se jistudja l-proprjetajiet ta’ reġjun partikolari fl-atmosfera ta’ fuq tad-dinja, magħruf bħala l-jonosfera. It-tnaqqis tal-qies u l-piż tas-satelliti li qed iseħħ dan l-aħħar għandu l-għan li tiġi minimizzata l-ispiża tal-illanċjar ta’ oġġetti fl-ispazju, li minbarra spejjeż fissi, tista’ tilħaq ’l fuq minn €10,000 kull kilogramm f’xi sitwazzjonijiet.

Il-kollaborazzjoni ġabet flimkien żewġ studenti Maltin post graduate fl-inġinerija – Darren Cachia f’Malta u Jonathan Camilleri, student għall-Ph.D. fl-Università ta’ Birmingham – li għaqqdu l-isforzi tagħhom u qegħdin jiżviluppaw il-pjattaforma satellitari u l-payload xjentifika rispettivament.

L-istudent Darren Cachia, li l-proġett tiegħu ngħata l-Borża ta’ Studju Endeavour u li huwa parzjalment iffinanzjat milll-Fond Soċjali Ewropew (ESF) tal-Unjoni Ewropea, qal li l-isfida hi li jkun iddisinjat apparat affidabbli li huwa tajjeb biżżejjed biex jittella’ fl-ispazju bl-użu ta’ komponenti li għandhom prezz baxx, disponibbli kummerċjalment, bħal dawk li jinsabu fi smart phones moderni.

Tekniki speċjali ta’ software u hardware qed jiġu żviluppati biex jaraw l-punti ta’ saħħa u ta’ dgħjufija ta’ komponenti individwali, u jtejbu l-affidabilità tal-komputazzjoni, fl-ambjent tal-ispazju, li hu aħrax u mimli radjazzjoni. Permezz ta’ dan l-iżvilupp relativament reċenti, it-teknoloġija tal-ispazju ssir aktar aċċessibbli għall-istudenti Universitarji, u ssir possibbli r-riċerka dwar l-ispazju minn persuni ċivili.”

L-istudent Darren Cachia qal li l-kunċett kollu wara dan il-proġett beda u hu bbażat fuq il-fatt li t-teknoloġija llum hi bbażata fuq apparat żgħir, prattikament fuq l-istess daqs tal-mobile phones. Fil-fatt l-kunċett wara l-proġett hu li kollox ikun impoġġi f’apparat żgħir li jista’ jitpoġġa fl-ispazju.

Din l-ewwel inizjattiva se twitti t-triq għal għadd ikbar ta’ tmien satelliti bħal dawn, li se jkunu mifruxa fuq qasam ġeografiku kbir u hekk ikopru aħjar il-kundizzjonijiet jonosferiċi varjabbli, li jaffettwaw il-komunikazzjonijiet bir-radju. Il-missjoni mistennija ddum madwar 18-il xahar u tibgħat informazzjoni lura lejn id-dinja li tkun aċċessibbli għal kull min għandu sett tar-radju amatorjali (ham radio).

Biż-żmien, l-informazzjoni se tkun disponibbli biex tippermetti l-iskejjel u individwi interessati biex jkunu jistgħu jipparteċipaw bl-użu ta’ apparat mhux għali. Minkejja li l-missjoni se ddum biss 18-il xahar, ir-riċerkaturi Maltin jistgħu jibgħatu apparat li jdum iżjed iżda minħabba l-iżviluppi li seħeħw fit-teknoloġija, huma ddeċidew li jtemmu l-missjoni wara 18-il xahar.

Sfida partikolari li r-riċerkaturi Maltin iltaqgħu magħha hi dik dwar il-materjal użat għas-satellita, liema materjal irid ikun jiflaħ għall-elementi straordinarji li jkun hemm fl-sipajzu. Fil-fatt il-materjal użat irid ikun jiflaħ kemm għal temperaturi baxxi u kif ukoll għal temperaturi għoljin u sħan ħafna.

L-inizjattiva tar-riċerka pico-satellite mifruxa fuq numru ta’ snin u mmexxija mill-Inġinier Marc Anthony Azzopardi u l-Inġinier Andrew Sammut, hi l-proġett ewlieni tal-grupp ta’ riċerka fl-Astrionika (Astrionics Research group – ASTREA) mid-Dipartiment tal-Inġinerija tas-Sistemi Elettroniċi (ESE) tal-Università ta’ Malta li se jutilizza investiment Ewropew ERDF ta’ €1,000,000 għal tagħmir avvanzat għall-bini ta’ prototipi sabiex tiġi żviluppata, manifatturata u ttestjata l-pjattaforma satellitari.

L-iżvilupp tal-payload huwa mmexxi mill-Professur Mathew Angling li jmexxi l-grupp Space Environment and Radio Engineering (SERENE) fl-Università ta’ Birmingham. L-illanċjar x’aktarx se jkun provdut minn Gauss Team Srl. fl-Italja, li ġeneralment jillanċjaw mill-Baikonur cosmodrome fil-Kazakhstan. Is-sistema li biha jintbgħatu dawn is-satalliti żgħa rhi waħda li biha jkun sparak rocket fl-ispazju li tul il-vjaġġ tiegħu dan jitlaq numrru ta’ satelliti żgħa rli kollha jkollhom impenn partikolari

Dr. Azzopardi spjega li “t-teknoloġija ta’ satelliti minjatura għandha ġġib diversi vantaġġi uniċi għal Malta billi tittratta problema li ilna niffaċċjaw fejn jidħlu satelliti konvenzjonali li josservaw id-dinja.” Hu żied li sa llum kellna nagħżlu bejn xbihat mhux frekwenti ta’ kwalità għolja tal-pjaneta u vidjos f’ħin attwali b’riżoluzzjoni ferm iżjed baxxa.

Kostellazzjonijiet ta’ dawn is-satelliti żgħar ġodda jagħmluha kummerċjalment possibbli li tagħmel it-tnejn, b’mod partikulari fuq territorju żgħir bħal Malta. Din it-teknoloġija għandha applikazzjonijiet importanti fl-immaniġġjar tat-traffiku, sorveljanza tal-fruntieri, monitoraġġ ambjentali, għajnuna f’diżastri u applikazzjonijiet ġodda li qegħdin jitfaċċaw kuljum.

Dr. Azzopardi qal li din is-satellita se tkun kontrollata minn Malta u għalhekk se tkun qed tiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-informazzjoni li għandu bżonn il-pajjiż. S’issa Malta m’għandhiex satellita tagħha u tiddependi minn satelliti li mhumiex Maltin u li għalhekk il-prijorità mhix li tintbgħat informazzjoni għal Malta.

Hu sostna li fost l-informazzjoni li l-pajjiż jista’ jikser hemm ritratti kontinwi ta’ dak li jkun qed iseħħ fil-pajjiż. Fost l-oħrajn, permezz tas-satellità l-pajjiż se jkollu informazzjoni diretta dwar it-traffiku, inċidenti, nirien u ċirkostanzi oħra.

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Inġinerija Dr. Andrew Sammut sostna li hemm ħafna x’wieħed jista’ jikseb minn proġetti ta’ riċerka avvanzata bħal dawn. Minbarra l-benefiċċju dirett li nżommu l-aħjar imħuħ f’Malta, ħafna mit-teknoloġija li qed tiġi żviluppata tista’ tiġi mill-ewwel applikata biex ittejjeb l-affidabilità ta’ sistemi kritiċi għall-ħajja, bħal l-elettronika biomedika jew dik awtomativa – dan huwa partikolarment rilevanti meta ż-żewġ setturi qed jikbru sew f’Malta. Dan l-għerf iħalli riżultati li jtejbu u jespandu l-bażi industrijali tagħna.

Matul is-sena li għaddiet il-Fakultà tal-Inġinerija, permezz tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, stabbiliet kuntatt ukoll mal-European Space Agency biex toffri lill-istudenti tagħha firxa aktar wiesgħa ta’ taħriġ, riċerka u għażliet ta’ karrieri fl-oqsma l-aktar avvanzati tal-Inġinerija. Minbarra hekk, bdew diskussjonijiet mal-Istitut tax-Xjenzi Spazjali u l-Astronomija (ISSA) tal-Università ta’ Malta li eventwalment se tara lill-Università tiżviluppa l-missjonijiet spazjali xjentifiċi tagħha stess.