Lokali

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg mill-ġdid jinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni

Numru ta’ aġenziji kemm f’Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewropea, qed jinvestigaw l-involviment tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg f’allegat każ ta’ miżappropjazzjoni ta’ fondi Ewropej u art pubblika fiż-żmien meta kien Sindku ta’ Ħad-Dingli. Hekk ġie żvelat fil-ħarġa tal-llum ta’ The Malta Independent.

Il-kwistjoni tittratta dwar iċ-ċentru ta’ interpretazzjoni li jinsab fl-irdum ta’ Ħad-Dingli li kellu jkun parti minn Heritage Trail tal-Kunsill Lokali. L-Applikazzjoni originali kienet saret minn Ian Borg, dak iż-żmien Sindku ta’ Ħad Dingli. Fl-aħħar 10 snin, f’mill-inqas żewġ okkażjonijiet, il-MEPA irrifjutat li toħroġ permess sabiex ikun hemm faċilitajiet ta’ catering f’dan il-post. Iżda l-post ilu għal numru ta’ snin jaħdem bħala restaurant bi ksur tal-permessi maħruġa.

Il-każ qed jattira l-attenzjoni tal-Aġenzija ta’ Kontra l-Frodi tal-Unjoni Ewropea l-OLAF, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif ukoll hawn Malta, il-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Kummissjoni Permanenti għal kontra l-Korruzzjoni.

Dan minħabba li s-suppost ċentru ta’ interpretazzjoni ibbenefika minn fondi ewropej u li jinsab fuq art pubblika li ngħatat b’kera lill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli

L-ewwel applikazzjoni għal ċentru ta’ interpretazzjoni saret fl-2002 mill-Perit Charles Buhagiar, eks Ministru u Deputat Laburista, għan-nom tal-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli u nħareġ outline development permit mill-MEPA fl-2005 li eskluda l-iżvilupp ta’ stabbiliment tal-catering bil-bejgħ ta’ ikel u xorb ikun ristrett biss għal bejgħ minn makni.

F’Ottubru tal-2007, il-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli immexxi minn Ian Borg, joħroġ sejħa għal espressjoni ta’ interess għal min hu interessat biex imexxi ċ-ċentru ta’ interpretazzjoni. Il-Kunsill irċieva offerta waħda minn La Pinta Limited, kumpanija b’sid wieħed li skont ir-reġistru tal-kumpaniji fl-MFSA, twaqqfet tliet ijiem biss qabel is-sejħa għat-tender mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli.

Minkejja li f’applikazzjoni oħra fl-2008, mill-ġdid mill-eks Sindku Ian Borg u d-Deputat Laburista Charles Buhagiar, il-MEPA kkonfermat l-esklużjoni tal-użu tal-post bħala restaurant, iċ-ċentru, li jġib l-isem The Cliffs qed jaħdem bħala restaurant, komplut b’riferenza fuq is-sit internazzjonali tal-lukandi u r-ristoranti tripadvisor.