Lokali

Is-sidien tal-bqija tal-binja jridu ġustizzja wara l-iskandlu Gaffarena

Il-propjeta' li kienet fiċ-ċentru ta' dan il-każ

Minħabba l-iskandlu ta’ Gaffarena, is-sidien tal-bqija tal-binja li tinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu qed jistennew li ssir ġustizzja magħhom.

F’kummenti li taw lill-gazzetta Sunday Times of Malta, l-avukati li qed jirrappreżentaw is-sidien l-oħra tal-binja fi Triq Żekka qalu li anki f’każ li l-Gvern jirbaħ il-kawża kontra Gaffarena u jkunu ritornati l-propjetajiet li ħa, xorta ma tkunx saret ġustizzja magħhom għax effettivament, Mark Gaffarena seraqhom meta xtara partijiet tad-djar bi prezz baxx ħafna meta kien diġa jaf li se tiġi esproprjata mill-Gvern.

Permezz ta’ żewġ kuntratti separati, il-Gvern esproprja nofs id-dar fi Triq Zekka mingħand Gaffarena għall-prezz ta’ €1,650,000.

Meta feġġ l-iskandlu lura f’Mejju li għadda, is-sidien l-oħra tad-dar fi Triq Zekka, ressqu protest ġudizzjarju biex iwaqqfu l-bejgħ tal-parti tagħhom tal-bini lil Gaffarena għaliex id-deal kien se jiffaċilita’ ċertu terzi persuni, iżda sa issa ma kien hemm ebda risposta għal dan il-protest.

Min-naħa tiegħu, Gaffarena fetaħ proċeduri kontra dawn is-sidien, li kellu konvenju magħhom qabel faqqa’ l-iskandlu, biex jisforza l-bejgħ tal-kumplament tad-dar bil-prezz miftiehem, ukoll qabel sar magħruf li l-Gvern kien qed jesproprja din id-dar biċċa biċċa.

L-iskandlu Gaffarena kien fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li r-rapport tiegħu sab “collusion” – jew konfoffa – bejn Mark Gaffarena, uffiċjali mid-Dipartiment tal-Artijiet u s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, li kien eventwalment sfurzat jirriżenja.