Simon Busuttil ikompli jżid il-fiduċja filwaqt li Muscat ikompli jnaqqas

Simon Busuttil ikompli jżid il-fiduċja filwaqt li Muscat ikompli jnaqqas.

Dan ħareġ ċar minn stħarriġ ippubblikat fil-ħarga tal-lum tal-gazzetta Malta Today. L-istħarriġ juri li d-distakk fil-fiduċja li jgawdu ż-żewġ mexxejja issa huwa ta 7.5 punti perċentwali – l-inqas differenza li qatt kien hemm f’dawn l-aħħar sentejn. Il-fiduċja f’Joseph Muscat naqset b’7% minn Marzu tas-sena l-oħra bil-ġurnal Malta Today jikkummenta li dan juri li n-nuqqas ta’ governanza tajba beda jħalli l-impatt tiegħu fuq il-popolaritá ta’ Muscat.

L-istħarriġ jindika b’mod ċar li dawk li fl-aħħar elezzjoni vvutaw lill-Partit Laburista llum huma diżappuntati bit-tmexxija ta’ Joseph Muscat tant li 14,000 persuna li vvutat lill-Partit Laburista qed tiddikkjara li fl-elezzjoni li ġejja mhux se tivvota.

Iżda l-istħarriġ jindika wkoll li terz tal-persuni li fl-2008 ivvutaw lill-Partit Nazzjonalista iżda li fl-aħħar elezzjoni ivvutaw lill-Partit Laburista, issa se jerġgħu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Dan jindika li l-PN beda jerga’ jgawdi l-fiducja tal-iswitchers.

L-istħarriġ juri wkoll li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kompla jsaħħaħ il-fiduċja li jgawdi mill-votanti Nazzjonalisti tant li l-istħarriġ juri li Simon Busuttil jgawdi l-fiducja ta’ 86% tal-votanti Nazzjonalisti – żieda ta’ 5% mill-aħħar stħarriġ. Simon Busuttil żied ukoll fil-fiduċja li jgawdi mal-iswitchers. L-istħarriġ juri li 28% tal-iswitchers jippreferu lil Simon Busuttil minn Muscat – zieda ta’ 19% minn Marzu 2015.