VALLETTA……………2
ST.ANDREWS………….1
Valletta: H. Bonello, R. Camilleri, J. Caruana, J. Cruz Gill, J. Borg (M. Mifsud 60’), R. Briffa, C. Pani, R. Ledesma (U. Calistus 60’), A. Nafti, J. Benites (L. Cremona 85’), F. Falcone
St.Andrews: J. Galea, M. Pena Beltre, D. Camilleri, B. Won Che, J. Perez Cuestra (J. Walker 81’), V. Oseghale, S. Wisdom, J. Farrugia, F. Onwudinjo, K. Nwoko (S. Oproiescu 76’), M. Johnson
Imwissija: R. Briffa 66’, F. Falcone 84’, R. Camilleri 94’ (V), S. Wisdom 58’ (S)
Skurjaw: A. Nafti 19’, 81’ (V), M. Pena Beltre 32’ (S)
Referee: Alan Mario Sant
In-nazzjon Plejer tal-logħba – Francis Onwudinjo (St.Andrews)
Valletta baqgħu fl-ewwel post meta bi tbatija għelbu lil St.Andrews 2-1 u żammew iż-żewġ punti fuq Hibernians. Il-Beltin ma kellhomx wirja spettakolari u sas-70 minuta, ir-riżultat ta’ draw kien meritat għaliex minkejja s-superjorità territorjali, ftit kienu perikolużi.
Iżda wara l-episodju tal-penalty u t-tkeċċija, Valletta ħadu vantaġġ u kellhom numru ta’ okkażjonijiet bil-gowl rebbieħ jasal fil-81 minuta. Żgur li jekk Valletta jridu jissieltu sal-aħħar għal kampjonat, irid ikollhom prestazzjonijiet aħjar. Mertu wkoll imur għal St.Andrews li ddefendew b’mod għaqli, iżda żgur li din il-prestazzjoni kompliet tibni fuq il-progress tagħhom u żgur li se jibqgħu jissieltu sal-aħħar.
Il-kowċ Belti Paul Zammit għamel żewġ bidliet mir-rebħa kontra Qormi, meta Jean Borg beda fuq ix-xellug u ħa post Romeu Romao b’Ryan Camilleri jilgħab fuq il-lemin, filwaqt li Abdelkarim Nafti rritorna u beda flok Michael Mifsud. Minn naħa l-oħra, il-kowċ ta’ St.Andrews Jose Borg għamel bidla waħda mid-draw kontra Tarxien, b’Kyrian Nwoko jibda flok Matteo Desira Buttigieg.
Valletta fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni denja tal-logħba fid-19-il minuta. Kien kross mix-xellug ta’ Ledesma li għadda tul il-lasta fejn kien hemm Federico Falcone li bir-ras niżżel lejn l-iżmarkat Abdelkarim NAFTI li minn quddiem il-lasta, spara fix-xibka.
St.Andrews għamlu l-iskor indaqs fit-32 minuta meta Manuel PENA BELTRE seraq ballun mingħand Jean Borg, u b’xutt minn pożizzjoni ftit angolata ssorprenda lil Henry Bonello b’xutt b’saħħtu. Ir-reazzjoni ta’ Valletta waslet biss fit-38 minuta meta minn free-kick ta’ Ledesma, id-daqqa ta’ ras ta’ Jean Borg għaddiet fuq il-lasta.
Ir-ritmu fil-bidu tat-tieni taqsima, baqa’ l-istess b’Valletta fuq l-attakk iżda ftit inċisivi fl-azzjonijiet b’żewġ azzjonijiet lejn il-lasti sas-siegħa logħob. Fit-52 minuta minn kross ta’ Jean Borg, id-daqqa ta’ ras ta’ Ledesma kienet fjakka u Galea salva bla tbatija. Żewġ minuti wara minn korner ta’ Jhonnattann Benites, id-daqqa ta’ ras ta’ Jonathan Caruana għaddiet għoli.
Valletta ngħataw penalty fit-73 minuta meta Jhonnattann għadda tajjeb mil-lemin u krossja lejn Federico Falcone li bir-ras għeleb lil Galea iżda Michael Johnson klirja l-ballun b’idejh, bir-referee Alan Mario Sant jordna penalty u jkeċċi lid-difensur. Iżda mill-11-il metru, ix-xutt ta’ Falcone stampa mal-mimduda.
B’superjorita numerika, Valletta komplew jattakkaw u minuta wara reġgħu marru viċin meta minn kross mix-xellug, Benites għola tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras ħabtet mal-mimduda. Valletta komplew jattakkaw u fis-77 minuta Benites qassam lejn Ryan Camilleri li prova bix-xellug, iżda Jake Galea dawwar f’korner bi bravura.
St.Andrews kienu kostretti li jiddefendu aktar milli suppost, b’Valletta joħolqu attakk wara l-ieħor u fit-80 minuta Nafti krossja lejn Benites li prova mill-ewwel mill-viċin iżda t-tentattiv għadda ftit barra. L-isforzi Beltin ġew premjati fil-81 minuta meta Ryan Camilleri krossja fil-baxx fin-nofs fejn sab lil Abdelkarim NAFTI li li b’xutt mill-ewwel fil-baxx għeleb lil Jake Galea. St.Andrews pruvaw l-aħħar sforzi fl-aħħar minuti bi free-kicks u krosses li iżda ma kinux perikolużi biex Valletta żammew sod għal rebħa importanti.
//= $special ?>