Internazzjonali

‘Botta lir-Russja’ bil-kanzunetta tal-Ukrajna għall-Eurovision

epa05175180 Ukrainian singer Jamala reacts during the 2016 Eurovision Song Contest (ESC) national qualification show in Kiev, Ukraine, 21 February 2016. The singer Susana Jamaladinova, who is of Crimean Tatar descent and better known under the stage name Jamala, will represent Ukraine at the ESC that consists of two semi-finals, to be held on 10 and 12 May, and a grand final taking place at the Ericsson Globe in Stockholm, Sweden, on 14 May 2016. EPA/INNA SOKOLOVSKA

Il-kanzunetta li se tirrappreżenta lill-Ukrajna fil-konkors tal-Eurovision 2016 titratta d-deportazzjoni sfurzata tal-membri ta’ komunità li seħħet fuq direttiva speċifika tal-eksdittatur Sovjetiku Josef Stalin, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-kanzunetta ‘1944’ ta’ Jamala titratta t-traġedja ta’ bużnannitha, membru tal-komunità tat-Tatar, meta Stalin kien keċċa lilha u madwar 240,000 Tatars oħra lejn iz-zoni għeri tal-Asja Ċentrali. Din il-mewġa ‘tal-imkeċċija’ kienu twasslu hemm permezz ta’ ferroviji pakkjati, b’eluf imutu waqt il-vjaġġ inkella bil-ġuh ftit wara li laħqu d-destinazzjoni.
Il-ħtif, fl-2014, tal-Krimea mir-Russja serva, fost oħrajn, biex iqanqal dawn il-memorji koroh. Għalkemm ‘1944’ ma tikkummentax direttament dwar ‘il-Krimea’, il-kantanta Rouslana, eks-rebbieħa tal-Eurovision, enfasizzat li ‘din il-kanzunetta titratta preċiżament dak li aħna lkoll qegħdin insofru, illum, fl-Ukrajna’.
Jamala qalet li ‘l-kanzunetta ‘1944’ hi dwar il-familja tagħha’ u li ‘kull darba li tkantaha, tkun qed taħseb fi qrabatha li għadhom qed jgħixu fil-Krimea’.
Josef Stalin kien keċċa lit-Tatars wara li akkużahom bħala ‘kollaboraturi man-Nażisti’. Sadanittant, Jamala qalet li daħlet fil-Eurovision ta’ din is-sena ‘għaliex riedet li n-nies jisimgħu kanzunetta li nkitbet minn xi ħadd b’qalbu maqtugħa’, wara li r-Russja ħatfitilha artha.
Ir-regoli tal-Festival tal-Eurovision jipprojbixxu kanzunetti b’lirika politika. Fl-2009, il-kanzunetta ta’ Georgia kienet eskluża bħala ‘waħda li rredikolat’ lill-President Russu Vladimir Putin. Il-kanzunetta We Don’t Wanna Put In, kienet intgħażlet biex tirrappreżenta Georgia fil-Eurovision anqas minn sena wara li dan il-pajjiż u r-Russja kienu daħlu f’konflitt dwar ir-reġjun tal-Ossezja t’Isfel.