Lokali

Filmat: Il-ħaddiema mhu jissemmew qatt minn Muscat – is-SĦPN

“Minkejja li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern bl-għajta li se jkun il-partit tal-ħaddiema, illum il-ħaddiema ma jissemmew qatt fid-diskorsi ta’ Joseph Muscat, li jiftaħar li hu pro- business imma abbanduna lill-iktar vulnerabbli fis-soċjetà”.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista, li matulha spikkat il-weġgħa ta’ numru ta’ ħaddiema tal-Enemalta li kienu preżenti u semmew kif taħt dan il-gvern qalgħu transfers, ġew umiljati u saħansitra tilfu eluf mill-paga tagħhom.

L-esperjenza qarsa ta’ dawn il-ħaddiema hi riflessa wkoll fis-sitwazzjoni attwali tal-ħaddiema tal-Air Malta, li jinsabu fl-għama dwar il-post tax-xogħol tagħhom, kif ukoll il-ħaddiema li tilfu xogħolhom mid-De la Rue, fl-istess waqt li l-medja tal-Partit Laburista kienet qed tiftaħar li f’din il-kumpanija minflok se jsir investiment.

“Suppost dan hu Gvern li jiġġieled il-prekarjat, imma l-prekarjat wara tliet snin għandu hemm saħansitra f’impjiegi mal-gvern b’ħaddiema li jitħallsu bil-paga minima”, spjega Simon Busuttil.

Fakkar li saħansitra anke’ min suppost qed jabqeż għall-ħaddiema, jiġifieri l-General Workers’ Union, issa qed jiffanga tant li kien l-Awditur Ġenerali stess li kkundanna lill-union f’rapport li ppublika riċentament.

“Il-Partit Nazzjonalista wkoll hu pro-business”, stqarr Simon Busuttil, “imma mhux lest li jagħmel dan billi jabbanduna lill-ħaddiema. Irridu nkunu favur il-ħaddiema, ladarba l-Partit Laburista abbandunahhom, u bil-ħidma tagħna rridu noffrulhom id-dar li l-Gvern Laburista ħallihom orfni minnha”.

Matul l-istess Laqgħa Ġenerali Annwali, il-fergħa tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) ppreżentat 60 proposta miġbura f’rapport li ħarġu wara sentejn ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ ħaddiema minn kull qasam tal-ħajja bl-għan li jtejbu l-ħajja u l-futur tagħhom

Matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali ġew approvati numru ta’ rapporti li fuq kollox urew kif din il-fergħa baqgħet attivà matul is-sena kollha, u minkejja li m’għandiex sors ta’ dħul, xorta waħda ħalliet impatt b’numru ta’ inizjattivi kostanti.

Attendew ukoll numru ta’ uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, fosthom Anne Fenech li mexxiet il-laqgħa u fid-diskors tagħha fissret is-SĦPN bħala fergħa importanti fi żminijiet fejn il-ħaddiema ġew abbandunati mill-Gvern u għandhom bżonn qawwi li jkollhom lil xi ħadd li jiddefendihom.