Lokali Parlament

Gvern Nazzjonalista kien ikkonsulta mal-Oppożizzjoni u l-Kamra tal-Avukati fil-ħatriet tal-ġudikatura

Li kieku l-Gvern tal-lum mexa bħall-Gvern ta’ qabel ma kienx jidħol fit-tgħaffiġa u jikser il-Kostituzzjoni fil-ħatriet tiegħu ta’ membri ġodda tal-ġudikatura.

Dan qalu x-Shadow Minister Chris Said, li fil-Parlament spjega li meta kien fil-kariga ta’ Ministru għall-Gustizzja għal sena u xahrejn, u nnomina ħames ġudikanti, tliet Imħallfih u żewġ Magistrati, u wkoll żewġ ġudikanti fil-Qorti Ewropea, f’kull każ kien ikkonsulta max-Shadow Minister għall-Ġustizzja ta’ dak iż-żmien, Josè Herrera, u wkoll mal-President tal-Kamra tal-Avukati. Irrimarka li kien hemm każ fejn waqaf wara l-konsultazzjoni li kien għamel.

Chris Said ikkritika li f’din il-leġislatura, din il-konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni u mal-Kamra tal-Avukati ma baqgħetx issir.
Fakkar ukoll li fil-każ tal-ġudikanti għall-Qorti Ewropea, għall-ewwel darba kien insista li ssir sejħa pubblika b’termini ċari min seta’ japplika u xi kwalifiċi ried ikollhom, u kienet ippubblikata fil-gazzetta tal-Gvern u fil-gazzetti lokali, kien inħatar Bord li fost l-oħrajn kien fih il-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali u eks-Imħallef tal-Qorti Ewropea.

Saħaq li Gvern Nazzjonalista ma ndaħal xejn u qagħad fuq ir-rakomandazzjonijiet ta’ dan il-Bord biex inħatru l-Imħallef Borg Barthet u l-Imħallef Eugene Buttigieg.

Irrimarka li wara li hu issa, wara tliet snin, li l-Ministru qed jgħidilna li ser itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ġudikanti, il-Ministru ma qalx li hemm ftehim iffirmat bejn il-Gvern u l-ġudikatura li Gvern tal-PN kien beda jattwa u dak kollu li seta’ jiġi attwat fil-fatt iddaħħal fis-seħħ. Kien jonqos biss il-bżonn li jsiru emendi neċessarji fil-Ligi dwar l-età tal-irtirar u l-pensjoni tal-ġudikanti.

Ikkritika li fi tliet snin il-Gvern ma sabx il-ħin li jressaq dawn l-emendi li fuqhom kien ser ikollu qbil totali.
Ix-Shadow Minister sejjaħ bħala stat ta’ paniku dak li qed jgħid li sal-aħħar tal-leġislatura ser ikun qed itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ġudikatura.