Lokali

Ħadd ma jemmen lil Muscat li sar jaf bl-iskandlu ta’ Gaffarena mill-gazzetti – PN

Ħadd ma jemmen lil Joseph Muscat li sar jaf bl-iskandlu ta’ Gaffarena mill-gazzetti. Muscat qed ikompli jinganna bil-poplu Malti u Għawdxi.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, li fiha fakkar kif aktar minn erba’ ġimgħat ilu l-Prim Ministru kien mistoqsi meta u kif sar jaf bl-Iskandlu Gaffarena. Illum, aktar minn erba’ ġimgħat wara u meta ma seta’ jagħmel l-ebda mod ieħor għax kien iffaċċjat mill-ġurnalisti, Muscat ma kellu l-ebda triq oħra ħlief li jwieġeb.

Ippressat mill-ġurnalisti, Muscat qal li sar jaf bl-Iskandlu Gaffarena mill-gazzetti. Iżda għall-Partit Nazzjonalista, ħadd ma jemmen din id-dikjarazzjoni, hekk kif fakkar li Muscat iltaqa’ ma’ Gaffarena qabel l-elezzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat ma setax sar jaf bl-iskandlu mill-gazzetti għax sa qabel ħarġet l-ewwel storja fil-31 ta’ Mejju li għadda, Kelliem għall-Gvern kien diġà beda jiddefendi dan l-iskandlu.

Barra minhekk, ‘deals’ bħal dawn li jiswew il-miljuni dejjem ikunu ttieħdu fuq livell ta’ Kabinett, kif ukoll li jekk Michael Falzon ma ħax dan id-‘deal’ quddiem il-Kabinett, żgur li jkun tkellem mal-Ministru tiegħu, jiġifieri Joseph Muscat stess.

Muscat dam erba’ ġimgħat biex iddeċieda x’se jwieġeb għal mistoqsija sempliċi. Mhux ta’ b’xejn li ħadd mhu jemmnu li sar jaf bl-Iskandlu Gaffarena mill-gazzetti, temmet tgħid l-istqarrija.