Għawdex Lokali Parlament

Il-Gvern jgħid li għandu jiġi studjat rapport ta’ Gvern Nazzjonalista għal terminal tal-cruise liners f’Għawdex

Il-Gvern iddikjara li fil-pjani tiegħu biex Għawdex ikun jista’ jilqa’ cruise liners, għandu jkun studjat aktar fil-fond rapport li sar minn Gvern Nazzjonalista li waħda mit-tliet proposti fir-rapport kien hemm li jitkabbar il-Port tal-Imġarr.

Dan iddikjarah fil-Parlament il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, meta llum waranofsinhar kien qed iwieġeb mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari dwar fiex wasal il-pjan li qal li għandu l-Gvern biex jibni cruise liner terminal f’Għawdex u servizz ta’ fast ferry bejn Għawdex u Malta. Ċensu Galea talab lill-Ministru Refalo jgħid fiex wasal dan il-pjan wara tliet snin ta’ dan il-Gvern.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Refalo rrifera minnufih għal rapport li kien sar minn Gvern Nazzjonalista li qal kien fih tliet proposti ewlenin, bl-aħħar waħda, skont il-Ministru Refalo, hi l-aktar waħda li dwarha għandu jsir aktar studju.

Il-Ministru Refalo qal li dan ir-rapport jelenka kif il-Port tal-Imġarr jista’ jiġi mkabbar biex jilqa’ fih ukoll cruise liners. Ma’ dan, trid tiġi wkoll indirizzata l-problema tat-traffiku lejn il-Port tal-Imġarr, bil-proposta tiegħu, skont hu, għandha tkun rotta alternattiva b’mina taħt l-art li tibda minn Chambray lejn il-Port tal-Imġarr.

Il-Ministru Refalo qal li r-rapport li sar minn Gvern Nazzjonalista għadu validu u għandu jiġi studjat aktar fil-fond. Spjega wkoll li fil-preżent għaddej il-proċess dwar sejħa ta’ proposti għal cruise liner terminal u yacht marina, u qal li l-istudju għadu għaddej.