Lokali

Il-MŻPN jikkundanna kull attent li jxebbaħ l-omosesswalità mal-mard

Fi stqarrija, il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) ikkundanna kull attent li jxebbaħ l-omosesswalità ma’ xi tip ta’ mard li jeħtieġ trattament.

L-MŻPN qal li fil-kwistjoni dwar it-terapija ta’ konverżjoni, l-MŻPN jesprimi solidarjetà mal-komunità LGBTIQ u se jibqa’ jiddefendi din il-pożizzjoni b’responsabbiltà.

Bħala l-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, l-MŻPN kemm-il darba tkellem dwar l-importanza li kull membru tas-soċjetà jkun integrat b’mod sħiħ fis-soċjetà, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru. L-MŻPN qal li dwar dan dejjem tkellem b’appoġġ sħiħ mill-Partit Nazzjonalista.

Filwaqt li d-djalogu huwa importanti biex wieħed jifhem il-pożizzjoni ta’ kull entità, il-punt tat-tluq għandu jkun wieħed ċar kontra kull tip ta’ ħsieb li l-komunità gay teħtieġ xi tiġ ta’ trattament mediku.

Fl-aħħar xhur, l-MŻPN uriet impenn lejn il-komunità LGBTIQ billi pparteċipat f’numru ta’ laqgħat ma’ diversi entitajiet u għaqdiet non-governattivi, bil-għan li tinbena relazzjoni ġenwina u b’saħħitha.