Lokali

Il-produzzjoni tal-laħam tonqos fl-aħħar kwart tal-2015

Fl-aħħar kwart tal-2015, bejn Ottubru u Diċembru, il-produzzjoni tal-laħam f’Malta naqset bi 8.2% fuq l-istess xhur tal-2014.

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li kien hemm tnaqqis ta’ 15% fil-produzzjoni tal-majjal u tnaqqis ta’ 0.5% fil-produzzjoni tal-laħam tat-tiġieġ filwaqt li kien hemm żieda ta’ 4% fil-produzzjoni tal-laħam taċ-ċanga għal total ta’ 2,633 tunnellata ta’ laħam.

Dan minħabba li kien hemm tnaqqis ta’ 14.3% fin-numru ta’ ħnieżer li nqatlu għal-laħam filwaqt li kien hemm 37,334 tiġieġa inqas li nqatlu fl-aħħar tliet xhur tas-sena minkejja li l-piż totali tat-tiġieġ kien ta’ 6.2% iktar. Fl-istess żmien kien hemm żieda ta’ 4.5% iktar baqar li nqatlu għal-laħam.

L-istatistika tal-NSO turi li l-valur tal-laħam li nqatel f’biċċeriji liċenzjati kien ta’ €5.5 miljun, li jfisser 11.9% inqas mill-valur tal-laħam li ħareġ mill-istess biċċeriji sena qabel. L-iktar li naqas il-valur tal-laħam mibjugħ kien għall-majjal bi 18.2%, imbagħad għaċ-ċanga b’4.1% u għat-tiġieġ b’1.4%.