It-Tribunal Industrijali għandu jitmexxa minn Maġistrat li jkollu għarfien legali minflok ma jiġu appuntati Chairpersons skont l-esperjenza tagħhom fl-industrija.
Din il-proposta għamluha l-UĦM Voice of the Workers u s-CMTU waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha taw ir-reazzjoni tagħhom dwar ir-riforma li tħabbret fit-Tribunal Industrijali wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ ġimagħtejn ilu.
Din is-sentenza kkonfermat deċiżjoni mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili s-sena li għaddiet, li ddikjarat li l-Liġi li tirregola l-kompożizzjoni tat-Tribunal Industrijali tmur kontra d-dritt għal smigħ xieraq.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella appella biex tinstab soluzzjoni fit-tul għal din il-kwistjoni, filwaqt li ddikjara nuqqas ta’ qbil mal-proposta tal-Gvern li jestendi t-terminu attwali taċ-Chairpersons tat-Tribunal minn tlieta għal erba’ snin bħala soluzzjoni għall-problemi.
F’isem is-CMTU, il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Uffiċjal tal-Konfederazzjoni Martin Balzan, li hu wkoll il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM). Hu spjega kif is-CMTU qed tieħu pożizzjoni komuni dwar din il-kwistjoni.
//= $special ?>