Nies joħorġu fin-nofs tat-triq biex iwaqqfu l-karozza li tkun bis-sinjal ‘Not in Service’
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli semmet fil-Parlament il-vuċi u l-karba tax-xufiera Maltin impjegati fis-servizz tat-traspot pubbliku u l-probemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom wara d-dikjarazzjoni tal-Ministru Joe Mizzi li xufiera qed jagħtu sinjal li l-karozza mhix fis-servizz meta suppost tkun.
Ix-xufiera qed ikollhom ħafna problemi fuq din id-dikjarazzjoni irresponsabbli għaliex in-nies qed joħorġu f’nofs it-triq biex ix-xufiera jieqfu meta qed jisħqu li huma ma jistgħux jieqfu u jtellgħu n-nies għaliex il-karozza ma tkunx fis-servizz, ‘Not in service’, u jekk itellgħu n-nies jeħlu l-multi.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, fissret li din is-sitwazzjoni ħoloqha l-Ministru Mizzi bid-dikjarazzjoni irresponsabbli li għamel, u li ta’ dan għandu jerfa’ r-responsabbiltà f’każ ta’ inċident.
“In-nies qed jaħsbu li x-xufiera qed jagħmlu sabotaġġ u saħqet li din hi deċiżjoni mhux tax-xufiera iżda tal-Ispanjoli”, saħqet Marthese Portelli li kompliet li n-nies qed jitħallew fuq l-istage tort ta’ min fassal ir-rotot.
Xufiera Taljani u Spanjoli jingħataw is-sahra u mhux lill-Maltin
Marthese Portellli tkellmet fil-Parlament dwar dak li qed jgħidu n-nies u mhux dak li qed tgħid hi dwar it-trasport pubbliku.
Irriferiet ukoll għal dak li nkiteb fil-Facebook page tal-Ministru, b’xufier kitiblu fuq artiklu li tella’ l-Ministru stess meta qal li nqabad grupp organizzat li qed ifixkel, u qallu li “aħjar tibża’ għall-Maltin li fadal u mhux tigdeb fuqna”.
Semmiet kif xufier ieħor kitbilha jilmenta li qed isuqu karozza li timmarka difett u li hi ta’ periklu fis-sewqan, kif tittieħed karozza li kienet issewwiet u wara siegħa reġgħet immarkat difett; kif sahra qed tingħata lil xufiera Taljani u Spanjoli u l-Maltin qed jiġu l-aħħar fil-lista tax-xufiera.
Marthese Portelli qalet li llum nafu għaliex il-Gvern żamm moħbi l-kuntratt dwar it-trasport pubbliku u spjegat klawsoli fil-kuntrattt biex il-poplu jkun jaf dak li l-Gvern innegozja u li bih rabat il-poplu għal 15-il sena sħaħ.
Is-sussidju jista’ jiżdied anke jekk jonqsu r-rotot
Semmiet li l-kuntratt jitkellem dwar żewġ tipi ta’ sussidju – dak is-sussidju l-fiss li hu ta’ €432 miljun, u sussidju ieħor li jista’ jinbidel u jiżdied. Klawsola fil-kuntratt telenka sitt punti li fuqhom l-Ispanjoli jistgħu jitolbu żieda fis-sussidju – fosthom jekk tiżdied xi bus stop, jekk titwal xi rotta, jekk jiżdiedu xi sigħat tas-servizz, jekk ikun hemm devjazzjoni fuq rotta jew jitolbu bidla fir-rotta.
Ix-Shadow Minister saħqet li dan jispjega għaliex hawn rotot iduru fil-vojt u ma jiġbru lil ħadd, u li minnhom ma jiggwadanja ħadd ħlief l-Ispanjoli biex jitolbu aktar sussidju lill-Gvern.
L-Ispanjoli jistgħu jitolbu sussidju wkoll jekk ikun hemm tnaqqis fir-rotot u saħqet li dan ma jinftiehemx waqt li staqsiet ta xiex jieħu s-sussidju l-operatur jekk ikun hemm tnaqqis. Semmiet ukoll kif ladarba s-sussidju jiżdied, dan jibqa’ permanenti. L-Ispanjoli wkoll jistgħu jitolbu kumpens fuq rotta li mhix se ssir jekk iġibu prova li r-rotta kienet se tattira biss 20%. Staqsiet jekk dan il-kuntratt hux qed jibbenefika minnu l-poplu.
Semmiet ukoll il-kwistjoni tal-multi u kkwotat mir-rapport li jgħid li filwaqt li hemm numru ta’ multi speċifikati, hemm areas oħrajn li huma kruċjali jekk irridu li s-servizz jitjieb u li fuq dawn m’hemmx multi.
Semmiet ukoll li lanqas ma japplikaw multi fuq l-għoti tas-servizz li jridu jagħtu lill-Maltin fuq il-waiting time u fuq ir-rotta li twassal sal-vapur bejn Malta u Għawdex. Ikkritikat li m’hemm ebda klawsola li hi ta’ benefiċċju għall-Maltin u l-Għawdxin iżda biss biex jibbenefika minnhom il-kuntrattur.
Xufiera barranin li lanqas bl-Ingliż ma jitkellmu
Semmiet ukoll il-lingwa li jitkellmu biha x-xufier, bil-kuntratt jgħid li x-xufiera jridu jkunu kapaċi jikkomunikaw tajjeb bil-Malti jew bl-Ingliż, waqt li n-nies illum qed tilmenta li hemm xufiera li lanqas ma jafu jitkellmu mhux biss bil-Malti iżda lanqas bl-Ingliż. Staqsiet lill-Ministru jgħid kemm-il multa weħel l-operatur fuq din il-klawsola.
Marthese Portelli saħqet li huma n-nies li ta’ kuljum jitkellmu bil-fatti li juru li s-servizz mhux tajjeb, karrozzi tal-linja mhux jaslu fil-ħin u rotot jinqabżu.
Irriferiet għal mistoqsijiet parlamentari dwar is-servizz tat-trasport pubbliku u li ma ngħatatx risposti, u saħqet li llum qed titlob lill-Ministru jelenka kull nuqqas li kien hemm, kemm il-multa weħel l-operatur, kemm il-vjaġġ kien hemm nieqes, kemm il-vjaġġ ma sarx u x’kontroll kien hemm biex is-sussidju li qed jitħallas mill-poplu jissarraf f’servizz lill-Maltin u l-Għawdxin. Ħadd mhu se jemmen lill-Gvern li s-servizz tjieb hekk kif semmiet diversi surveys li saru fuq il-gazzetti li fihom kollha rriżulta kif 80% jgħidu li s-servizz mar għall-agħar.
In-nies kollha żbaljati u l-Ministru biss għandu raġun
Quddiem Ministru li ma jemminx is-surveys, Marthese Portelli qalet li f’xahar wieħed, f’Jannar ġabret l-ittri kollha li ammontaw f’numru kbir, u li kienu ppubblikati fil-ġurnali kollha waqt li rrimarkat li n-nies jispiċċaw jiktbu fil-gazzetti wara li jkunu xebgħu u ma jifilħux jissaportu aktar. Staqsiet jekk dawn in-nies humiex kollha żbaljati u l-Ministru biss għandu raġun.
Irrimarkat ukoll li ilha tagħmel żewġ mistoqsijiet lill-Ministru u li sal-lum għadu ma weġibx – mingħand min qed jixtru d-diesel l-Ispanjoli u b’kemm qed jinxtara. Li hu żgur, qalet ix-Shadow Minister, li l-Ispanjoli qed jixtru bi prezz irħas li l-poplu jixtri mill-pompa u li dan kien dikjarat ukoll fi stqarrija.
L-Ispanjoli u mhux il-Maltin sabu ż-żejt b’sussidju ta’ €432 miljun
Ikkritikat lill-Gvern li kellu ċans ta’ tliet snin biex jagħmel riforma u flok sema’ mill-pubbliku, sema’ mill-Ispanjoli u llum qed igawdu biss l-Ispanjoli għaliex huma l-Ispanjoli u mhux il-Maltin li sabu ż-żejt b’sussidju ta’ €432 miljun.