Internazzjonali

Iż-żejt Libjan fil-mira tal-ISIS

Il-Kap tal-Korporazzjoni taż-Żejt Nazzjonali qal li l-faċilitajiet taż-żejt tal-Libja x’aktarx li jiffaċċjaw aktar attakki fil-ġejjieni, dment li ma jkunx approvat Gvern (Libjan) għall-għaqda li jkollu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti.
Mustafa Sanalla jissuspetta li t-terroristi tal-ISIS, il-ġimgħa l-oħra wettqu attakk fuq l-infrastruttura taż-żejt tal-Libja – fejn ħa n-nar wieħed mit-tankijiet fiz-zona ta’ Fida għall-produzzjoni tar-riżors. Din iz-zona tinsab fil-Lbiċ tat-terminals taż-żejt ta’ Es Sider u Ras Lanuf, li x-xahar li għadda sfaw il-mira ta’ assalti mill-militanti.
Sanalla jemmen li ’l quddiem isiru attakki ġodda fuq il-faċilitajiet taż-żejt f’pajjiżu. Hu sostna, fuq kollox, li ‘is-sitwazzjoni għandha taqleb għall-agħar’ jekk il-Libja ma jkollhiex amministrazzjoni ġdida li taħseb għal unjoni bejn il-Libjani.
Sadanittant, il-qawwiet leali għall-Gvern Libjan tal-Lvant qalu li tefgħu lura l-militanti Iżlamiċi fi bnadi ta’ Benghazi u fejn ħatfu kontroll tal-port strateġiku ta’ Marisa. Dan għandu jfisser kisba kbira għall-Armata Nazzjonali tal-Libja peress li l-ġellieda li qed jikkonfrontawha kienu qed jaslulhom il-kunsinni tal-armi proprju minn dan il-port.
Kelliema għall-Armata tennew ukoll li l-qawwiet tagħhom qed jikkontrollaw il-belt ta’ Ajdabiya, lejn in-Nofsinhar ta’ Benghazi, wara żmien jikkumbattu mal-ġellieda Iżlamiċi fl-inħawi. L-Iżlamiċi, issa tkeċċew mill-aħħar inħawi li kienu qed jokkupaw sa ftit ilu.
Fl-istess ħin, is-sorsi viċin battaljun ewlieni tal-Armata qalu li l-qawwiet ħadu f’idejhom in-neighborhood ta’ Al-Halis, filwaqt li avvanzaw sal-qalba tad-distrett ta’ Boatni, li kien għadda minn ġlied qalil fi tmiem il-ġimgħa. Ir-rapporti rreferew ukoll għal numru ta’ ‘suldati u ġellieda Iżlamiċi maqtula’.