Internazzjonali

Jibda l-ġuri tal-‘Grim Sleeper’ li seta’ qatel 180 vittma f’Los Angeles

Fl-Istati Uniti beda l-ġuri ta’ Lonnie Franklin Jr, eksmekkanik mal-Pulizija minn Los Angeles, li hu akkużat li qatel talanqas għaxar nisa f’din il-belt u l-madwar, bejn l-1985 u l-2007.

Franklin ingħata l-laqam Grim Sleeper għaliex ‘il-qtil bħal donnu waqaf bejn l-1988 u l-2002′; bl-imputat, fil-preżent, qed jiċħad kategorikament li hu ħati mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Madankollu, detektivs li daħlu fid-dar ta’ Franklin sabu kollezzjoni stramba ta’ aktar minn 1,000 ritratt u ‘mijiet ta’ sigħat ta’ filmati’. Is-sejba, ‘il quddiem, tista’ tissostanzja t-teorija (imressqa mill-pulizija) li ‘sa 180 min-nisa (kollha suwed) li jidhru f’dawk ir-ritratti setgħu nqatlu mill-Grim Sleeper’.

Il-prosekuturi, fix-xhur li ġejjin, se jipprovaw jorbtu lil Franklin mal-‘ewwel għaxar omiċidji’, fejn l-iżgħar vittma kellha biss 15 il-sena. Fl-istess ħin, id-detektivs se jinvestigaw files dwar każi li ilhom is-snin mingħajr konklużjoni (cold cases) biex forsi jsibu konnessjoni konkreta bejn Franklin u l-omiċidji li wħud imorru lura għas-snin sebgħin.

Il-katavri tal-għaxar vittmi stabbiliti li huma s-suġġett ta’ dan il-ġuri nstabu mhux wisq ‘il bogħod mir-residenza ta’ Franklin, fin-nofsinar ta’ Los Angeles. Ħafna mill-vittmi kienu qalgħu tiri ta’ arma u l-maġġoranza tal-mejtin kienu spiċċaw suġġetti għal diversi forom ta’ aggrediment sesswali. Uħud mill-katavri kienu elevati minn sqaq, fejn instabu ‘imdeffsin ġo laned għall-iskart’.

Il-prosekuturi jgħidu li Franklin ‘seta’ jagħmel li jrid qalb il-kaos ta’ belt li fiż-żmien partikolari kienet mifnija bil-pjaga tal-crack cocaine‘. Huma jsostnu li l-vittmi kollha, ħlief għal waħda, kellhom traċċi ta’ din id-droga fis-sistemi tagħhom.

Xi familji jgħidu wkoll li l-Pulizija ta’ Los Angeles (LAPD) ‘ma kenux interessati li jinvestigaw l-imwiet ta’ nisa żgħażagħ suwed li wħud kellhom jgħixu ta’ prostituti biex ilaħħqu mal-vizzu tad-droga’.

Il-pulizija li sabet il-kollezzjoni tar-ritratti fid-dar ta’ Franklin ħarġu 180 minnhom lill-pubbliku bit-tama li n-nies jippreżentaw ruħhom u jidentifikaw in-nisa fir-ritratti. Matul is-snin tmenin kien hemm sa 30 detektiv jinvestigaw il-qtil li qed ikun akkużat dwarhom Franklin, iżda qatt ma nstabu provi li jixħtu dawl konkret fuq l-omiċidji.

Lonnie Franklin Jr tressaq il-qorti kważi sitt snin wara l-arrest tiegħu fl-2010.

Il-Grim Sleeper kien fost, almenu tliet serial killers, li kienu jattakkaw lin-nisa ta’ Los Angeles waqt l-‘epidemija’ tal-crack cocaine tas-snin tmenin u disgħin. L-attakki kienu mlaqqmin ‘the Southside Slayer killings’ qabel l-awtoritajiet ikkonkludew li kien hemm aktar minn qattiel wieħed involut.