L-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa qed tappella lill-awtoritajiet biex jirrifjutaw il-proposta li jinbnew 15-il villa fuq żona ħdejn Mġarr ix-Xini f’Għawdex, kif ukoll ‘interpretation centre’ u strutturi oħrajn ‘il barra miż-żona ta’ żvilupp. Tgħid li din hi proposta inaċċettabbli li għandha tkun rifjutata mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Din l-Art Ħelwa qalet li fl-2006 kienet ressqet petizzjoni kontra l-iżvilupp f’Ta’ Ċenċ, li kienet iffirmata minn 10,000 persuna. Il-petizzjoni kienet ippreżentata lill-partiti fil-Parlament.
Ta’ Ċenċ hi żona ta’ valur ambjentali kbir u ta’ sensittività ekoloġika, sostniet Din l-Art Ħelwa, li kompliet li l-iżvilupp propost joħloq livelli inaċċettabbli ta’ disturb fiż-żona u jinkludi l-bini ta’ toroq u żieda fit-traffiku u d-dwal. Il-proposta kif sottomessa turi impatt viżwali negattiv fuq l-ambjent taż-żona.
Aspett ieħor trattat minn Din l-Art Ħelwa jirrigwardja l-prezz li bih inxtrat l-art f’Ta’ Ċenċ, propju għax din inxtrat bi prezz li jirrifletti żona ‘l barra mill-konfini ta’ żvilupp, filwaqt li issa din l-istess żona qed tkun ikkunsidrata bħala waħda li fiha jista’ jsir żvilupp.
Din l-Art Ħelwa sostniet li l-iSPED jispeċifika li l-bini ta’ residenzi ġodda għandu jsir f’żoni urbani u li ż-żoni urbani m’għandhomx jintmessu b’użu li mhux meħtieġ jew leġittimu. M’hemm xejn sostenibbli fil-bini ta’ vilel fuq żona ODZ fil-peninsula f’Ta’ Ċenċ, sostniet Din l-Art Ħelwa.
//= $special ?>