L-Ungerija rrappurtat żieda kbira fl-ammont tal-immigranti li qed jinfiltraw il-fruntieri tagħha lejn in-Nofsinar. Dan qed jitqies bħala ‘l-ewwel mewġa sinifikanti ta’ immigranti’ mindu, is-sena l-oħra, ingħalaq l-aċċess minn dik iz-zona.
Il-pulizija qalet, fi stqarrija, li madwar 1,500 persuna, dan ix-xahar, ippruvaw jidħlu illegalment fl-Ungerija mis-Serbja – b’talanqas 500 jinqabdu bejn il-Ġimgħa u s-Sibt.
Ħafna minn dawn in-nies huma immigranti ekonomiċi mill-Marokk, l-Iran u l-Pakistan. Kuntrarju għas-sitwazzjoni tas-Sirjani, mhux mistenni li dawn l-immigranti ekonomiċi jingħataw kenn politiku fl-Ewropa u huma jistgħu jkunu ddeportati fil-jiem li ġejjin.
Intant, hemm inkwiet li l-limitazzjoni imposta mill-Awstrija (ġar tal-Ungerija) għar-refuġjati li qed ifittxu kenn politiku u li qed tkun infurzata minn ġurnata għall-oħra kapaċi tħalli effett għal pajjiżi oħrajn fir-reġjun tal-Balkani. Dan bir-riżultat li eluf jispiċċaw ‘iżolati’ fil-Greċja, li sservi bħala aċċess għall-Ewropa għal ħafna immigranti.
Fl-2015, ‘il fuq minn miljun immigrant waslu fl-Ewropa bi kważi nofshom ikunu qed jaħarbu mill-konflitt tas-Sirja.
Mewġa ta’ immigranti mal-fruntiera Ungeriża
