Lokali Parlament

Muscat ħadem biex ir-Renju Unit jibqa’ fl-UE iżda mhux biex Malta tissieħeb

L-Oppożizzjoni taqbel mal-Gvern dwar il-pożizzjoni li ħa dwar ir-Renju Unit fl-aħħar summit Ewropew li ftiehem fuq il-futur tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal fil-Parlament illejla, li jieħu gost jisma’ lill-Prim Ministru Muscat jgħid li ħadem biex l-Ingilterra tibqa’ fl-UE iżda rrimarka li kellu bżonn ħadem daqstant f’pajjiżna biex Malta ssieħbet fl-UE – ħidma li m’għamilx.

Din ir-rimarka l-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha wara stqarrija li għamel il-Prim Ministru fil-Parlament dwar is-summit Ewropew li ddiskuta u qabel fuq ftehim biex ir-Renju Unit tibqa’ fl-Unjoni Ewropea.

Simon Busuttil għamel diversi mistoqsijiet dwar il-pożizzjoni li ħa l-Gvern biex jiġu salvagwardati l-interessi tal-Maltin kemm li jinsabu jgħixu fir-Renju Unit kif ukoll ta’ setturi tal-ekonomija Maltija li jistgħu jiġu affettwati bid-deċiżjoni tar-Renju Unit u l-futur tagħhom fl-Ewropa.

Simon Busuttil staqsa jekk sarx xi studju mill-Gvern Matli fuq iż-żewġ xenarji – jekk fir-referendu ir-Renju Unit jagħżel li jibqa’ u jekk joħroġ mill-għaqda Ewropea. Semma li hemm eluf ta’ ċittadini Maltin li jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw fir-Renju Unit. Staqsa jekk sarx mill-Gvern xi tip ta’ studju fuq l-impatt ta’ kif il-Maltin jistgħu jintlaqtu b’dak negozjat l-UE mar-Renju Unit.

Fid-dibattitu, li fih ressqu wkoll mistoqsijiet lill-Prim Ministru d-Deputati Nazzjonalisti Tonio Fenech u Kristy Debono, tqajmu kwistjonijiet oħra marbuta mas-settur tas-servizzi finanzjarji, il-mekkaniżmu tal-banking union, l-armonizzazzjoni tat-taxxa fl-Ewropa, ix-Shengen, l-immigrazzjoni u l-preparamenti ta’ Malta biex tilqa’ sitt immigranti mill-Greċja u 16 mill-Italja.

Filwaqt li l-Prim Ministru ddikjara fl-istqarrija tiegħu li ħadem biex ir-Renju Unit jibqa’ fl-UE għaliex dan hu fl-interess kemm tal-għaqda Ewropea kif ukoll ta’ Malta, spjega li l-Gvern għaddej bi studju dwar l-effett ta’ pajjżna jekk ir-Renju Unit toħroġ mill-UE.

Semma li s-setttur fejn l-aktar li jkun hemm effetti jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE hu dak marbut mas-servizzi finanzjajrji. Saħaq li Malta jaqblilha wkoll li r-Renju Unit tibqa’ fl-UE għaliex hu wieħed mit-trading partners tagħna, u jekk toħroġ tista’ ġġib l-inċertezza.

Semma bħala importanti l-forza politika tar-Renju Unit fil-politika Ewropea biex ikun hemm bilanċ fil-forzi ta’ dawk favur il-politika federali, li hi favorita mill-Ġermanja u Franza, u li r-Renju Unit topponi.

Muscat fisser ukoll li l-Maltin fir-Renju Unit huma koperti minn ftehim bilaterali li ilu fis-seħħ bejn iż-żewġ pajjiżi.

Dwar l-immigrazzjoni, Muscat qal li llum Malta taffordja li tieħu ftit għexieren biex nuru lill-UE li kapaċi noffru solidarjetà. Il-Gvern għandu wkoll l-ismijiet u għaddej l-iskrutinju tagħhom waqt li awgura li nilqgħu lil dawn il-21 immigrant mill-Italja u mill-Greċja f’pajjiżna bid-dinjità kollha neċessarja.