Internazzjonali Kurżitajiet

Paul Daniels b’ kanċer ‘inkurabbli’

Il-magician famuż Britanniku Paul Daniels, li ilu s-snin sinonimu mal-‘maġija’, qed ibati minn kanċer tal-moħħ terminali u l-kundizzjoni tiegħu qed taqleb għall-agħar.

Daniels, li għandu 77 sena, sar jaf bil-kundizzjoni tiegħu ftit jiem ilu wara li ddaħħal l-isptar għal testijiet. Fil-fatt, hu, issa, talab lit-tobba jekk jistax imur id-dar biex iqatta’ żmien mal-familja.

Paul Daniels hu veteran tal-ispettaklu fuq il-palk u f’Diċembru kien ħa sehem f’pantomima ibbażata fuq il-karattru ta’ Aladdin. Intant, hu irċieva ħafna messaġġi ta’ solidarjetà mingħand diversi ismijiet ċelebri, fosthom id-DJ Tony Blackburn u l-illużjonista famuż David Copperfield.

Daniels, li hu miżżewweġ lill-eksballerina Debbie McGee, kellu jħassar show ġdid bl-isem The Intimate Magic Tour (fejn kellha tieħu sehem anki martu) li kellu jsir f’Nottingham. Jidher ukoll li tħassru l-wirjiet li kienu programmati għall-jiem li ġejjin, b’dan jitqies bħala ‘daqqa ta’ ħarta kbira’ għal Paul Daniels wara karriera ta’ 41 sena u wara li hu, darba, kien ħalef li ‘qatt mhu se jieqaf mix-xogħol’.