Il-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdan il-Partit Nazzjonalista (FOIPN) qal li jeżisti qbil fuq livell politiku li l-omosesswalità mhix marda.
IL-FOIPN qal dan b’risposta għal stqarrija maħruġa mill-LGBTI Labour li fiha l-Partit Laburista prova jippolitiċizza settur li dwaru hemm kunsens fuq livell politiku.
Fl-aħħar sigħat, f’pożizzjoni li ħarġet, il-Knisja qalet li ma taqbilx mal-abbozz ta’ liġi li ħareġ il-Gvern dwar it-terapija tal-konverżjoni minħabba numru ta’ kwistjonijiet “etiċi” u “legali”. Għal din il-pożizzjoni, kien hemm numru ta’ reazzjonijiet minn diversi għaqdiet fis-soċjetà.
F’terapija ta’ konverżjoni, persuna tingħata trattament jew terapija biex tbiddel l-orjentazzjoni sesswali tagħha. B’dan l-abbozz ta’ liġi, din it-tip ta’ terapija se tiġi pprojbita.
Fl-istqarrija, il-Forum Opportunitajiet Indaqs qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiddiskuti dan l-abbozz ta’ liġi fil-Grupp Parlamentri bħal ma jiddiskuti l-liġijiet kollha l-oħra u wara din id-diskussjoni, jispjega pubblikament xi tkun il-pożizzjoni tiegħu, b’kuntlarju għall-partit l-ieħor, fejn jiddeċiedi kollox l-imperatur jew grupp żgħir ta’ persuni.
Madanakollu, fl-istqarrija, l-FOIPN tenna li hemm qbil fuq livell politiku li l-omosesswalità mhix marda.
//= $special ?>