Ekonomija Lokali

Qligħ qabel it-taxxa ta’ €46.8 miljun għall-HSBC

Tnaqqis ta’ €5.3 miljuni jew 10% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel

L-HSBC Bank Malta irreġistra qligħ qabel it-taxxa ta’ €46.8 miljun għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2015. Dan ifisser tnaqqis ta’ €5.3 miljuni jew 10% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Il-bank ħabbar żieda fid-dividend payout ratio minn 55% għal 65%, li rifletti s-saħħa kemm tal-profitabilta’ underlying kif ukoll tal-kapital tiegħu.

Dan ir-riżultat inkiseb f’ambjent ikkaratterizzat minn livelli rekord ta’ imgħaxijiet baxxi, pressjonijiet deflazzjonarji u tkabbir bil-mod fiz-zona ewro, u żieda fil-ħteġijiet regolatorji.

Fuq bażi ta’ aġġustament, li jeskludi l-effett tal-ispejjeż mhux rikorrenti għall-provizjoni tal-iskema volontarja tal-irtirar kmieni, il-qligħ qabel it-taxxa żdied b’€9 miljuni jew 18% fuq is-sena ta’ qabel.Matul is-sena, il-bank kompla jibni bażi ta’ kapital b’saħħtitha. Il-kapital tal-common equity tier 1 kiber għal 12.4% minn 10.6% fl-2014.

F’dan il-livell, il-bank kellu prestazzjoni b’saħħitha meta mqabbla mal-ħtiġijiet regolatorji marbuta mal-kapital. Din il-prestazzjoni ippermettiet li l-bank iżid id-dividend payout ratio għal 65% tal-qligħ wara t-taxxa għall-2015, li jfisser żieda ta’ 10 punti ta’ persentaġġ mill-55% tal-2014.

Matul is-sena, il-bank warrab €1 miljun biex jissodisfa l-provizjon ta’ riskju ta’ General Banking kif stipulat mill-Banking Rule 09. Issa l-bank għandu 100% tal-proviżjon meħtieġ. Wara aġġustament għal din il-kontribuzzjoni, ir-rata effettiva tad-dividend payout ser tkun ta’ 62% meta mqabbla mal-45% tas-sena 2014.

Il-qligħ attribwit lill-azzjonisti ammonta għal €29.5 miljun li jirriżulta fi qligħ għal kull sehem ta’ 8.2 ċenteżmi meta mqabbel mad-9.3 ċenteżmi fl-2014. Il-Bord qed jirrakkomanda dividend finali gross ta’ 2.6 ċenteżmi għal kull sehem. Flimkien mad-dividend interim li tħallas f’Settembru 2015, it-total tad-dividend gross għas-sena 2015 hu ta’ 7.7 ċenteżmi għal kull sehem.

Dan ifisser żieda ta’ 20% meta mqabbel mad-dividend aġġustat għall-bonus share issue li kien ingħata f’April 2015. Id-dividend finali ser jitħallas fid-19 ta’ April 2016 lil dawk l-azzjonisti rreġistrati fuq il-ktieb tal-azzjonisti tal-Bank fis-16 ta’ Marzu 2016.

Andrew Beane, il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Bank Malta qal: “Fl-2015, l-ambjent tas-suq fiz-zona ewro baqa’ wieħed diffiċli ikkaratterizzat minn rati rekord ta’ imgħaxijiet baxxi u spejjeż relatati mal-operat ogħla, l-aktar minħabba regolamenti ġodda.

L-underlying profitability tal-HSBC Malta baqgħet b’saħħitha, filwaqt li s-saħħa tal-kapital li magħrufin għaliha u l-approċċ konservattiv f’dak li huwa riskju wasslu biex il-bank ikollu prestazzjoni tajba fl-isfond tal-assessjar regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Filwaqt li l-ekonomija globali qed turi sinjali ta’ żieda fl-istress, ix-xejra f’Malta tibqa’ waħda favorevoli, bl-HSBC miftuħ għan-negozju. Bħala Kap Eżekuttiv, jien impenjat li niżgura li l-HSBC jrid jgħin lill-ekonomija ta’ Malta biex tkompli tikber u biex jinħoloq valur għall-10,000 azzjonist tagħna, filwaqt li nkomplu noperaw bl-ogħla livelli regolatorji”.

It-tliet oqsma ewlenin tan-negozju, Retail Banking & Wealth Management (RBWM), Commercial Banking (CMB) u Global Banking & Markets (GBM), ilkoll kemm huma għamlu qligħ fl-2015.

Id-dħul minn imgħax nett żdied b’4% għal €127 miljun meta mqabbel mal-€126 miljun fl-2014. Id-dinamika tad-dħul minn imgħaxijiet netti kienet affettwata minħabba l-ambjent prevalenti ta’ rati ta’ imgħax baxxi: marġni ta’ self kemm fil-portafolji tar-retail u kummerċjali kienu taħt pressjoni, rendimenti mill-portafoll ta’ investimenti naqsu minkejja tkabbir fil-bilanċ tal-portafoll għaliex il-maturita’ ta’ bonds li l-iktar irendu setgħu jinbiddlu biss ma’ oħrajn li għandhom rati ferm inqas.

It-tnaqqis fid-dħul tal-imgħax kien ikkumpensat minn tnaqqis fl-ispejjeż tal-fondi hekk kif ir-rati tad-depożiti komplew jonqsu u l-klijenti ppreferew depożiti fuq perjodi ta’ żmien iqsar.

Id-dħul nett mill-ħlasijiet naqas b’2% meta mqabbel mas-2014. Il-Grupp kiseb ħlasijiet ogħla fl-immaniġjar tal-assi fl-assigurazzjoni sussidjarja. Dan għamel tajjeb għalih it-tnaqqis fid-dħul mill-kummissjonijiet tal-kustodja, l-amministrazzjoni ta’ fondi u n-negozju tas-senserija tal-ishma minħabba l-istrateġija tal-bank biex inaqqas in-negozju tiegħu f’dawn l-oqsma. L-HSBC Life Assurance (Malta) Limited irrappurtat qligħ qabel it-taxxa ta’ €8.8 miljuni, li hi skont il-linja ta’ qligħ irrappurtat fl-2014.

Fl-2015 kien irrappurtat tnaqqis ta’ €0.7 miljun fil-bejgħ tal-investimenti finanzjarji meta mqabbel mal-€1.7 miljun miksub fl-2014. Dan jirrefletti opportunitajiet limitati ta’ ri-investiment f’ambjent ikkaratterizzat minn rati ta’ imgħaxijiet baxxi.

L-ispejjeż tal-operat ta’ €118.8 miljun kienu €20.4 miljun jew 20% ogħla meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Il-programm tal-iskema volontarja tal-irtirar kmieni li tnieda fl-aħħar tas-sena 2015, u li jifforma parti mill-impenn tal-bank biex itejjeb il-produttività u jżid l-effiċjenza, kienu ir-raġunijiet ewlenin għal żieda fl-ispejjeż fl-2015.

Meta wieħed jeskludi dan l-investiment ta’ darba, li mistenni jrendi ffrankar ta’ spejjeż b’mod sostenibbli matul is-snin li ġejjin, jara li l-ispejjeż tal-operat żdiedu b’6% meta mqabblin mas-sena 2014. Underlying expenses żdiedu minħabba żieda fl-ispejjeż ta’ compliance u spejjeż regolatorji assoċjati mat-tisħiħ tal-funzjoni tal-compliance u obbligazzjonijiet regolatorji ġodda.

Dawn jinkludu l-kontribuzzjoni għas-Single Resolution Fund u miżati ġodda marbuta mas-Single Supervisory Mechanism li twaqqaf lejn l-aħħar tal-2014. Barra minn hekk, iż-żieda fl-ispejjeż ta’ servizzi outsourced, minħabba varjazzjonijiet fil-muniti u servizzi ġodda relatati mat-trasferimenti tal-portafoll tal-assigurazzjoni, ħallew impatt fuq l-ispejjeż fl-2015.

Il-cost efficiency ratio, li jqabbel l-ispejjeż tal-operat mad-dħul tal-operat nett, kien ta’ 59% meta mqabbel mal-57% fl-2014.

Id-dispożizzjonijiet tal-indebolimenti fuq self (loan impairments) kienu ta’ €10.8 miljuni meta mqabbla mal-€22.5 miljun tal-2014. B’konformità mas-sena l-oħra, il-Bord żamm approċċ kawt għall-proviżjoni ta’ self mhux produttiv (non-performing loans). B’mod partikolari, fl-2015 ittieħdet deċiżjoni biex titwarrab il-proviżjoni ta’ indeboliment għal retail exposures peress li għal numru ta’ snin ma kienux qed irendu. Dawn l-exposures huma koperti tajjeb minn collateral.

Il-Bord ħass li jkun prudenti li jipprovdi għal dan is-self minħabba l-proċess legali jieħu fit-tul sakemm jerga’ jikseb il-collateral. Il-livell ta’ miżati fuq il-loan impairment kien affetwatt ukoll minn bidla teknika fil-metodoloġija tal-accountancy għal dawk l-imgħaxijiet li kien hemm sospiżi fl-2015.

Minflok ma jkunu rriversjati l-imgħaxijiet accrued relatati mal-faċilitajiet li kienu għadhom kemm kienu downgraded mill-istqarrija tad-dħul (income statement), il-bank issa beda jirrikonoxxi miżati addizzjonali ta’ indeboliment. Filwaqt li l-effett tal-metodoloġija l-antika u l-ġdida fuq il-qligħ hi l-istess, l-approċċ il-ġdid jirriżulta fi dħul ta’ imgħaxijiet ogħla, iżda anki ta’ miżati ogħla ta’ indeboliment.

Minkejja tnaqqis totali ta’ kważi €550 miljun matul l-2015, is-self u avvanzi netti lill-klijenti kien ta’ €3,285, li jfissru żieda ta’ 0.5% fuq is-sena 2014. Il-pass imgħaġġel ta’ pagamenti qabel iż-żmien osservat matul dawn l-aħħar sentejn minn klijenti kummerċjali kif ukoll dawk retail kompla matul is-sena 2015. Bl-appoġġ ta’ inċentivi tal-gvern għal dawk li jixtru l-ewwel dar tagħhom, il-portafoll ta’ self fuq id-djar, li fil-fatt hu l-ikbar portafoll ta’ self tal-bank, kompla jirreġistra tkabbir nett ta’ iktar minn €60 miljun fis-sena 2015.

Dan fil-fatt patta għat-tnaqqis ta’ self lin-negozji fejn il-paġamenti lura kienu ogħla b’riżultat ta’ ambjent persistenti ta’ imgħaxijiet baxxi.

Il-kwalità tal-assi kompliet titjib matul l-2015 b’non-performing exposures ikunu fil-livell ta’ 8% tas-self gross meta mqabblin mat-8.9% miksub is-sena l-oħra. Il-persentaġġ ta’ siġurtà tanġibbli miżmuma biex tagħmel tajjeb għas-self tal-bank baqa’ wieħed għoli.

Il-kontijiet tal-klijenti komplew jikbru fl-2015 u issa jlaħħqu €4,950 miljun, żieda ta’ 1.7% mill-31 ta’ Diċembru 2014. Ta’ min jinnota li depożiti minn klijenti tar-retail, li jiffurmaw l-iktar bażi stabbli ta’ fondi, urew tkabbir robust u kibru b’ 6.5%. Matul l-2015, il-pożizzjoni tal-likwidità tal-bank baqgħet waħda solida b’advances-to-deposits ratio ta’ 66.4%.

Il-portafoll ta’ investimenti finanzjarji kiber b’4.3% fuq is-sena ta’ qabel. Fl-istess waqt, il-bank iżomm dan il-portafoll ta’ strumenti ta’ profil għoli bħala wieħed diversifikat u konservattiv.