Lokali

Skont Muscat, it-trasport pubbliku mar għall-aħjar

F’kummenti lill-ġurnalisti dalgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-servizz tat-trasport pubbliku mar għall-aħjar taħt Gvern Laburista.

“It-titjib qed isir” qal Musact fil-kummenti tiegħu filwaqt li ftaħar li “s-servizz żgur li huwa aħjar mis-servizz li kien jingħata mill-Arriva.”

Muscat għadda dawn il-kummenti minkejja li stħarriġ riċenti tal-opinjoni pubblika juri kif l-inkwiet tal-pubbliku dwar it-trasport pubbliku rdoppja u issa jlaħħaq l-14%.

Meta kien qed jitkellem dwar l-irwol tal-Gvern fit-trasport pubbliku, Muscat żied li wasal iż-żmien li l-Gvern jibda jagħmilha aktar ta’ regolatur tat-trasport pubbliku milli jidher li qed jaġixxi hu f’isem l-operatur.

Dwar dan, osservaturi politiċi rrimarkaw li dan il-kumment sar bil-għan li l-Prim Ministru jżomm ‛il bogħod mid-diżastru dejjem jikber fit-trasport pubbliku.

Il-filmat t’hawn taħt juri l-kju twil li nġema’ fil-venda tal-Belt ilbieraħ filgħodu. Intant, f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, ix-Shadow Minister tat-Trasport Marthese Portelli qalet li l-kuntratt mal-Ispanjoli jfisser piż ta’ €3,000 fuq kull familja Maltija u Għawdxija, hekk kif l-Ispanjoli qed jingħataw aktar minn €340 miljun ewro f’sussidji.