Għawdex Lokali Parlament

Spazju ieħor miftuħ fir-Rabat f’Għawdex ser jintilef

Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said ressaq fil-Parlament numru ta’ mistoqsijiet li qed jagħmlu l-Għawdxin dwar spazju ieħor miftuħ fil-qalba tar-Rabat li ser jintilef wara li l-Gvern iddeċieda li jibni skola primarja flok il-grawnd tal-futbol tar-Rabat. Dan meta kien hemm post ieħor u bil-permessi u t-tenders maħruġa u li nbidel, u sit ieħor li seta’ ġie kunsidrati u fejn hemm l-ispazju.

Meta tkellem fil-Parlament illum, ix-Shadow Minister qal li filwaqt li naqblu li hemm bżonn skola primarja ġdida fir-Rabat, staqsa fejn hu l-ippjanar u s-serjetà tal-Gvern meta sat-23 ta’ Dicembru li għadda din kienet ser tinbena fl-istess kumpless tal-iskola sekondarja tal-bniet meta wkoll kien hemm il-permess tal-MEPA u ħargu u ngħataw l-offerti biex jibda x-xogħol.

Spjega li kien ftit jiem ilu li l-Ministru Bartolo fil-Facebook page tiegħu qal li l-pjani nbidlu u ser tinbena skola għal 600 student, li aktar tard irriżulta li hu fejn hemm il-grawnd tal-futbol tar-Rabat u ħdejn l-akbar parkeġġ li hemm f’Ghħwdex, u ħdejn il-bus terminus.

Fisser li l-Għawdxin qed jistaqsu għaliex ser jittieħed spazju ieħor miftuħ mill-ftit li fadal fic-centru tar-Rabat biex jinbena, u dan meta spazju ieħor ftit metri bogħod, fi pjazza, li ser jinbena f’Qorti u l-pjazza tispiċċa wkoll.

Staqsa jekk sarx studju biex jiġi aċċertat li huwa post ta’ skola primarja fl-aktar post fejn jgħaddu u jiġu pparkjati vetturi fir-Rabat; x’ser ikun l-impatt fuq iċ-ċentru tar-Rabat ta’ skola f’dak il-post? Għaliex skola ta’ 600 student meta f’Għawdex hemm 11-il skola primarja tal-Gvern u fihom hemm ftit aktar minn 1,100 student. Staqsa xi jfisser dan, u jekk hemmx il-hsieb li jingħalqu wħud mill-11-il skola primarja u tfal tal-irħula jinġabu r-Rabat?

Ix-Shadow Minister staqsa wkoll jekk ġiet ikkunsidrata l-possibbiltà li din tinbena flok l-iskola Ta’ Sannat fejn hemm diġà skola u hemm spazju enormi; jew flok il-parti antika tal-Liceo u l-mużew tal-arti moderna li suppost kellu jsir hemm u sal-lum ma sar xejn, jekk xi darba jsir imur fi Triq Vajringa fejn illum hemm l-iskola primarja. Spjega li hemm ma jittiħidx spazju miftuħ.