Lokali Parlament

Studju tal-Kummissjoni Ewropea juri kif il-faqar f’pajjiżna żdied

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aħħar stħarriġ u studju fuq il-faqar f’pajjiżna u li l-Gvern għadu ma ppubblikax, juri ċifri nkwetanti dwar kif il-faqar żdied fl-2013 u fl-2014.

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar żvela fil-Parlament illejla, ir-riżultati ta’ dan ir-rapport. In-nies f’età ‘l fuq minn 60 sena u li huma f’riskju ta’ faqar u f’esklużjoni soċjali żdiedu minn 21.7% fl-2012 għal 23.4% fl-2014; l-irġiel ta’ aktar minn 60 sena f’riskju ta’ faqar żdied minn 6.1% fl-2012 għal 7.6% fl-2014; filwaqt li n-nisa ta’ aktar minn 60 sena li qegħdin fil-faqar, żdiedu minn 7.4% fl-2012 għal 9.3% fl-2014.

Fisser dan ir-rapport bħala konferma tal-akbar ingann tal-Partit Laburista għaliex dan hu settur li fuqu rebaħ il-gvern bi programm elettorali li mhux biss ma wettqux fil-wegħdi li għamel biex jeqred il-faqar, iżda qed jagħmel bil-maqlub ta’ dak li wiegħed. Filwaqt li appella lill-Gvern jibda jagħti kas u wara tliet snin ibiddel ir-rotta u ma jħallix il-qasam tal-anzjani, familji, u persuni b’diżabbiltà jibqgħu sejrin għall-agħar, saħaq li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tikxef dan l-ingann tal-gvern u titkellem biex tkun il-vuċi ta’ min qiegħed ibati.

Konferenza nazzjonali mill-PN fuq il-fostering u l-addozzjonijiet se tiftaħ proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa
Ħabbar ukoll li dak li mhux qiegħed jagħmel il-Gvern fil-qasam sensittiv tal-addozzjonijiet u l-fostering, se tkun qed tagħmlu l-Oppożizzjoni meta fit-2 ta’ April li ġej il-Partit Nazzjonalista se jorganizza konferenza nazzjonali fuq il-fostering u l-addozzjonijiet li se tiftaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni biex ifassal politika li tixraq u li tagħti l-attenzjoni li jixraq lit-tfal. Dan meta l-Gvern ilu sentejn biex jiddiskuti fil-Parlament Abbozz ta’ liġi li jagħti vuċi lit-tfal li kien tressaq mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca meta kienet għadha ministru tal-Gvern.

Talab ukoll lill-Ispeaker jinvestiga kif l-Oppożizzjoni ma rċevitx acknowledgment tat-talba ta’ xahar ilu li ressqet biex jiltaqa’ b’urġenza l-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali biex fuq l-aġenda tal-Kumitat jiġu diskussi n-nuqqasijiet li hemm fis-setturi sensittivi tal-fostering u l-addozzjonijiet.

Ikkritika wkoll it-tmexxija tal-Aġenzija Appoġġ u appella għal deċiżjonijiet fl-interess biss tat-tfal bil-politiku m’għandux jintervjeni u jħalli f’idejn il-professjonisti. Esprima sodisfazzjoni li fil-qasam tal-addozzjonijiet reġa’ ġie konfermat ftehim mal-Albanija wara li ġie mġedded.

Il-Gvern qed jipprova jagħti stampa qarrieqa fil-qasam soċjali
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Familja u Drittijiet għat-Tfal, l-Anzjani u Persuni b’Diżabbiltà, tkellem dwar l-istampa qarrieqa li l-Gvern qed jipprova jagħti fil-qasam soċjali. Saħaq li l-Oppożizzjoni mhix qed tkun passiva quddiem realtà li hi ferm ‘il bogħod mill-impressjoni ta’ ekonomija b’saħħitha li qed jagħti l-Gvern.

Ikkritika kif wara tliet snin ta’ Gvern Laburista, qed ikomplu jiżdiedu l-familji li mhux iħossu l-ftaħir tal-Gvern fuq ekonomija li sejra tajjeb. Semma kif il-familji li qed ifittxu akkomodazzjoni soċjali żdiedu, kif jirrifletti u turi l-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali. In-nies li jistennew għall-għajnuna ta’ housing soċjali żdiedu bi 13% f’sentejn; bil-lista illum tlaħħaq it-3,000.

Semma kif il-Gvern mhux qed iħoss dak li qed jesperjenzaw l-anzjani, il-familji fil-bżonn u l-persuni b’diżabbiltà, kif wera fir-reazzjoni tas-Segretarju Parlamentari li kienet l-Albanija u xorta ħarġet stqarrija biex twieġeb għall-konferenza tal-aħbarijiet li tat l-Oppożizzjoni għax tkellmet dwar id-diffikultajiet f’dan is-settur.

Il-Home Help twaqqaf lil 19-il resident fil-Belt Valletta, 37 fil-Mellieħa, 15 f’San Pawl il-Baħar u erbgħa fin-Naxxar
Robert Cutajar spjega li wara seba’ mistoqsijet parlamentari relatati mas-servizz tal-Home Help, issa bdew jingħataw it-tweġibiet mill-Ministru li waqqa’ għalkollox dak li ntqal mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-anzjani li fl-istqarrija qalet li l-issue tal-Home Help qed tiġi indirizzata u li l-waiting list ilha tiżdied mill-amministrazzjoni preċedenti.

Fit-tweġiba li ta l-Ministru, kien ikkonfermat li l-Home Help twaqqaf lil 19-il resident fil-Belt Valletta li twaqqfilhom il-Home Help u kważi 60 oħra fid-distrett tiegħu – 37 fil-Mellieħa, 15-il anzjan f’San Pawl il-Baħar, u erbgħa fin-Naxxar.
Robert Cutajar sejjjaħ dan bħala insensittività tal-Gvern li ħalla għal xhur sħaħ anzjani mingħajr is-servizz tal-Home Help. Dan minbarra li l-waiting list baqgħet tiela’.

Dwar il-Meals on Wheels, Robert Cutajar qal li dan ukoll għaddej minn diffikultajiet.

Stenna telefonata jekk int fid-distrett tal-Ministru
Semma li jinkwieta b’sitwazzjoni li qed tagħti preferenza lin-nies fid-distrett tal-ministru. “Jekk toqgħod fid-distrett tal-Minsitru stenna telefonata dwar jekk għandekx bżonn xi ħaġa, iżda jekk m’intix fid-distrett tal-Ministru, ikun hemm problema u ħadd ma jirċievi telefonati”, qal Robert Cutajar li saħaq li dan mhux stil ta’ politika ta’ ggvernar tajjeb. Fisser li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qed jinsisti l-Partit Nazzjonalista jbiddel din il-politika.

Spjega wkoll li sadattant, studenti fl-universtà ilhom ġimgħat u xhur jistennew Ministri tal-Gvern iwieġbu mistoqsijiet biex jgħinuhom fl-istudji tagħhom.

Żewġ listi ta’ stennija flok waħda
Tkellem ukoll dwar kif il-Gvern qed jaħbi l-lista ta’ stennija wkoll f’San Vincenz de Paul u fi djar tal-anzjani tal-Gvern, bil-Ministru Farrugia jiddikjara li mil-lista sħiħa ta’ stennija, 800 persuna tpoġġew f’lista oħra ta’ on hold. Appella lill-Gvern jispjega u jgħid x’irid ifisser biż-żewġ listi li ħoloq.