Lokali Parlament

SULDATI GHAWDXIN: Għall-ewwel darba transfers minn Għawdex għal Malta flok bil-maqlub

Għall-ewwel darba f’Għawdex hemm kazijiet fejn flok ħaddiema Għawdxin li kienu Malta ntbagħtu Għawdex, hemm ħaddiema Għawdxin li kienu bdew Malta u ġew trasferiti lejn Għawdex u wara numru ta’ snin reġgħu bagħtuhom jaħdmu Malta.

Dan żvelah fil-Parlament ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, meta tkellem fil-Parlament illum waranofinhar. Semma każ wiehed ta’ ftit xhur ilu meta ħames suldati Ghawdxin li kienu jaħdmu f’Għawdex ġew trasferiti lejn Malta u li għadhom sal-lum jaħdmu Malta. Sejjaħ dan bħala sitwazzjoni li qatt ma ġrat qabel taħt l-ebda Gvern.

Skemi ta’ xogħol prekarju f’Għawdex
Ikkritika wkoll lill-Gvern li fi tliet snin għadna qed niftaħru b’investiment wieħed biss ta’ kumpanija privata li qed tħaddem 20 ruħ u l-ebda investiment ieħor. Dan meta l-esportazzjoni minn Għawdex naqset b’10%, il-paga medja f’Għawdex flok żdiedet għall-ewwel darba fl-istorja naqset u llum Għawdxi jaqla’ ras għal ras €1,200 fis-sena inqas minn Malti.

Chris Said fisser li llum il-maġġoranza tax-xogħlijiet li qed jinħolqu f’Għawdex huma bil-prekarjat jew b’kundizzjonijiet mill-aktar baxxi bħalma huma ħaddiema b’kuntratti mal-Gozo Channel f’xogħlijiet ta’ cleaners, mooring u fil-bar bil-paga minima u jaħdmu l-istess xogħol ma’ ħaddiema oħra li għandhom paga diċenti u ferm aħjar minnhom.

Semma wkoll il-kuntratti tas-security li qed jiġu vvintati f’kull post immaġinabbli f’Għawdex b’kundizzjonijiet ukoll tal-biki, u l-iskemi li vvinta Anton Refalo għal mijiet ta’ ħaddiema Għawdxin li sa ftit jiem ilu kienu jaħdmu b’inqas mill-paga minima, bla leave, bla sick leave u bla ebda kundizzjonijiet oħra tax-xogħol.

Ikkritika wkoll kif issa vvintaw kuntratt lill-kumpanija sussidjarja tal-General Workers’ Union li ser tħaddem dawn il-ħaddiema magħha fuq xogħlijiet tal-Gvern. Staqsa jekk il-GWU hux ser tkun qed tħaddem ħaddiema bil-paga minima hi stess kienet issejjaħlu xogħol prekarju. Irrimarka li ma’ din il-kumpanija ser ikunu qed jaħdmu bejn 170 u 180

Ix-Shadow Minister għal Għawdex ikkritika l ill-Gvern li hu dan hu x-xogħol li qed jinħoloq f’Għawdex.

Seniority list għalxejn għal-LSAs Għawdxin
Ix-Shadow Minister semma wkoll l-ammont kbir ta’ 270 Learning Support Assistant (LSA) Għawdxin li jaħdmu fi skejjel tal-Gvern f’Malta u qal li seniority list għal-LSAs biex imorru jaħdmu lura Għawdex qiegħda hemm għalxejn meta fl-aħħar sentejn u nofs kien hemm 13-il LSA li ġew trasferiti lejn Għawdex wara rakkomandazzjoni tal-Bord Mediku.

Filwaqt li saħaq li min verament għandu każ ġenwin għandu jiġi megħjun, ikkritika kif qed jingħalqu l-bibien kollha għal dawk li jmisshom imorru Għawdex. Dan ġab lil dawn il-270 LSA f’sitwazzjoni ta’ qtiegħ il-qalb u ġab fix-xejn il-wegħda ta’ qabel l-elezzjoni li jinħoloq xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin kollha.