Lokali Qorti

Tnejn jinħelsu wara nuqqas ta’ provi

Żewġ żgħażagħ inħelsu mill-akkużi miġjuba kontrihom dwar każ li seħħ tliet snin ilu minħabba nuqqas ta’ provi.

Iż-żgħażagħ, James Manfré ta’ 22 sena mill-Imsida u Dylan Vella ta’ 29 sena mill-Ħamrun, kienu mixlija li kkaġunaw feriti gravi lil Rida Shoaib u li huma riċedivi wara ġlieda li seħħet f’Lulju 2013 f’Paceville. Manfré waħdu kien akkużat li wettaq reat waqt perjodu operattiv ta’ probation.

Fil-Qorti ngħad li l-ġlieda seħħet barra stabbiliment, bl-allegat vittma jgħid li safa aggredit għax kien qed joħroġ mal-eks tfajla ta’ wieħed mill-Maltin. Madankollu, il-Maġistrat Anthony Vella qal li l-Qorti sabet nuqqas ta’ provi, fost oħrajn għax kien hemm numru ta’ xhieda li ma ttellgħux mill-Prosekuzzjoni u mid-Difiża.

Għaldaqstant, il-Qorti qalet li ma setgħetx issib liż-żewġ żgħażagħ ħatja tal-ebda akkuża relatata mal-każ.